Min-nhar l-Erbgħa li ġej, ġemgħat ta’ nies ta’ aktar minn ħmistax-il ruħ f’postijiet pubbliċi mhux se jitħallew aktar.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Prof. Charmaine Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru għas-Saħħa.
Il-Professur Gauci spjegat li l-miżuri li ttieħdu llum ġew ibbażati fuq l-evidenza li nkisbet fl-aħħar xhur. Fost l-oħrajn spjegat li d-deċiżjoni biex jingħalqu l-bars ittieħdet wara li ġie kkunsidrat li meta bniedem jixrob l-alkoħol f’bar, ikun diffiċli għalih biex iżomm id-distanza soċjali.
Qalet li n-numri fl-aħħar ġimgħat urew li ċertu setturi jeħtieġu aktar kontroll.
Saħqet fuq il-bżonn ta’ aktar dixxiplina u kooperazzjoni biex kulħadd jagħmel l-almu tiegħu fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha.