Il-bieraħ ġie ffirmat Memorandum of Understanding għal ġemellaġġ bejn il-Belt tal-Imdina u d-distrett Ċiniż Dongcheng f’Beijing. Għal dan l-iffirmar kienu preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Sivio Parnis, l-Ambaxxatur ta’ Malta għaċ-Ċina, l-E.T. John J. Aquilina, l-Ambaxxatur taċ-Ċina għal Malta, l-E.T. Jiang Jiang, is-Sindku tal-Imdina Peter Dei Conti Sant Manduca, l-Konsulent tal-Kunsill ta’ Dongcheng, Zhang Jiaming u Reno Calleja l-President tal-Malta China Friendship Society.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis f’diskors li għamel, fakkar kemm ir-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina hija waħda stabbli, u fakkar li din is-sena hija l-45 anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Semma l-proġetti varji li saru b’kollaborazzjoni maċ-Ċina, fosthom it-twaqqif taċ-China Dock fis-snin 70 u l-ftuħ ta’ Ġnien is-Serenità fl-1996, li eventwalment ġie mgħoddi lill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija. Kompla billi fakkar fis-similaritajiet bejn il-ħaddiema qalbiena u bieżla Maltin u Ċiniżi. Parnis qal li huwa interessanti l-fatt li bħaċ-Ċina li hija fuq quddiem fl-ekonomija dinjija, Malta wkoll hija l-iżjed pajjiż fl-Unjoni Ewropea, li l-ekonomija tiegħu qed tikber b’rata mgħaġġla, b’żieda ta’ 5% fis-sena 2016.
Filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Imdina tal-istedina, faħħar ir-rwol importanti tal-Belt tal-Imdina f’Malta u saħaq kif anki l-Gvern Ċentrali jagħraf l-importanza ta’ din il-belt bħala ġojjel nazzjonali u attrazzjoni turistika. Semma kif bl-intervent tal-Gvern Ċentrali, saru bosta proġetti, fosthom ir-restawr u rinforzament tas-swar.
Silvio Parnis qal li bħala Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, reġa’ lura fi ħdan il-qasam tal-kunsilli lokali wara li serva bħala Sindku ta’ Raħal Ġdid għal diversi snin, sa mill-bidu tat-twaqqif tagħhom 25 sena ilu. Saħaq li, “Dan l-anniversarju se jiġi mfakkar mhux biss permezz ta’ ċelebrazzjonijiet kif xieraq, imma anki b’riformi fil-qasam tal-Gvern Lokali, fejn jingħata status ogħla lis-Sindki u l-kunsilliera”.
Reno Calleja, President tal-Malta China Friendship Society, rringrazzja u awgura lill-Sivio Parnis tal-preżenza tiegħu u tal-kariga l-ġdida tiegħu. Fakkar li l-Malta China Friendship Society twaqqfet 42 sena ilu b’tama li r-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina jkunu kkultivati. Fakkar ukoll li dan huwa t-tieni ġemellaġġ bejn lokalità Maltija u oħra Ċiniża. Is-Sindku tal-Imdina, Peter Dei Conti Sant Manduca wkoll i rringrazzja lil dawk preżenti u saħaq kemm il-Kunsill jinsab kuntent b’dan il-ġemellaġġ u l-possibiltajiet kbar ta’ kollaborazzjonijiet kostruttivi għall-ġid taż-żewġ lokalitajiet fil-futur.
Il-Konsulent tal-Kunsill ta’ Dongcheng, Zhang Jiaming qal li l-Kunsill Lokali ta’ Dongcheng huwa ħerqan b’din il-kollaborazzjoni ġdida mal-Kunsill Lokali tal-Imdina.
Fi tmiem l-okkażjoni ż-żewġ Sindki ppreżentaw rigal ta’ tifkira lil xulxin.