Programm li tfassal bejn numru ta’ istituzzjonijiet Ewropej, inkluż GEM16+ f’Malta, wassal għal studju li warajh hemm l-għan li jonqos in-numru ta’ studenti li jieqfu jistudjaw b’20%. L-iskola Gem16+ toffri programmi għal studenti li jkunu temmew it-traġitt edukattiv obbligatorju mingħajr kwalifiki tal-MATSEC.
Il-proġett Solution by Inclusion qed isir ma’ istituzzjonijiet fid-Danimarka, l-Italja u n-Norveġja. Roberta Mifsud, għalliema li qed tagħti sehemha fil-proġett, spjegat li dan il-programm se jara li eventwalment jipprovdi l-għodda li ż-żgħażagħ għandhom bżonn biex isaħħu l-kompetenzi tagħhom.
Qalet, “Allura kull pajjiż fl-Ewropa qed jaħdem biex dawn jonqsu. GEM16+ tiffoka fuqhom u d-Daniżi ħarġu bl-idea ta’ proġett biex dawk li jieqfu mill-iskola kmieni u kkuntattjawna biex nipparteċipaw. Aħna nemmnu b’dik li ngħidulha l-growth mindset, li dak li jkun, b’ċertu sforz u prattika jkompli jtejjeb lilu nnifsu anke fl-intelliġenza.”
Mifsud spjegatilna wkoll li l-proġett beda fl-1 ta’ Settembru li għadda u mistenni jilħaq il-miri tiegħu f’Awwissu tal-2023. Mal-5,400 edukatur, ġenitur u studenti se jiddiskutu u janalizzaw esperjenzi varji li jwasslu għal kurrikulu edukattiv aktar inklussiv.
Spjegat, “Nipproponu riżorsi ġodda diġitali biex ngħinu l-edukaturi jagħtu taħriġ lill-istudenti. Se jkun hemm studju għall-istudenti biex naraw bħala saħħa mentali f’hiex qegħdin u fejn għandhom bżonn aktar appoġġ min-naħa tagħna.”
ONE News tellem ukoll mal-Kap tal-Iskola Innocent Aquilina, li qalilna li lil hinn minn dan il-proġett, l-istituzzjoni qed tilqa’ studenti ġodda, u kulma jmur qed tkun innotata żieda fl-applikazzjonijiet ta’ studenti li jagħżlu li jtejbu l-ħiliet fl-iskola Gem 16+.
Qal, “S’issa għandna l-applikazzjonijiet miftuħa u jekk inqabbel iż-żmien partikolari t’issa ma żmien ieħor, diġà qed inħoss li n-numru hu wieħed tajjeb ħafna. Nittama li n-numri li mmirajna għalihom nilħquhom ukoll.”
Magħna temm jgħid ukoll li l-istudenti li jiġu aċċettati fl-istituzzjoni mhumiex biss dawk li għadhom kif temmew is-sekondarja, iżda anke saħansitra adulti li sabu l-ħin itejbu l-kwalifiki akkademiċi tagħhom.
Qal, “Hawn ħafna mezzi ta’ kif wieħed jista’ jasal u GEM16+ huwa servizz importanti li d-Direttorat tal-Edukazzjoni qed joffri li l-istudenti Maltin u barranin.”
Huma spjega, “Għandna persentaġġ ieħor li wkoll qed jikber, ta’ persuni li ilhom ftit li qatgħu mis-sistema edukattiva u issa qed jerġgħu jirritornaw.”