Meta ninsabu fl-eqqel tas-sajf, bħalissa għaddejjin l-aħħar tħejjijiet biex, minn Ottubru li ġej, il-programm edukattiv ĠEM16+ mill-ġdid jibda jilqa’ fi ħdanu studenti li jixtiequ li jġibu jew itejbu r-riżultati tal-O levels tagħhom fis-sena akkademika li ġejja.
Dan il-programm edukattiv, minbarra li huwa bla ħlas, joffri opportunità ta’ sena bl-istipendju wkoll biex studenti jkomplu jitgħallmu suġġetti akkademiċi li jwassluhom għall-eżamijiet tal-O Levels tas-SEC.
Permezz ta’ kurrikulu riparatorju, l-għalliema jkunu jistgħu jiffokaw aktar fuq il-ħtiġijiet individwali tal-istudenti għax joffri klassijiet żgħar għal kull suġġett, b’attenzjoni individwali.
Minbarra dan, il-programm joffri servizz ta’ guidance u mentoring biex kull student jemmen aktar fih innifsu u b’hekk ikun jista’ jimxi aktar ’il quddiem.
Studenti, li temmew l-edukazzjoni obbligatorja, għandhom ċertifikat ta’ tmiem l-iskola sekondarja u jixtiequ jkomplu jirsistu għal marki aħjar fl-O levels, jistgħu japplikaw minnufih.
Il-programm tal-ĠEM16+ joffri l-opportunità lill-istudenti biex jitħejjew għall-eżamijiet tal-O Levels fil-Malti, l-Ingliż, il-matematika u f’suġġett wieħed ieħor minn fost il-fiżika, il-bijoloġija u l-ICT. Il-programm jinkludi l-edukazzjoni fiżika u l-PSCD u minn din is-sena beda jingħata wkoll il-kors tal-Prince’s Trust, li jiffoka fl-iżvilupp sħiħ personali u l-ħiliet meħtieġa u mfittxija fid-dinja tax-xogħol.
Iċ-ċertifikat aħħari tal-ĠEM16+ mhuwiex imsejjes biss fuq l-eżami. Fil-fatt, jinkludi wkoll assessjar kontinwu li jsir matul is-sena u jiffoka wkoll fuq ġabra ta’ ħiliet li l-istudenti juru fil-klassi u fix-xogħol tagħhom bħall-attitudni, is-sens ta’ inizjattiva, il-komunikazzjoni, u l-organizzazzjoni. Dan iċ-ċertifikat hu akkreditat f’livell 3 tal-Malta Qualifications Framework.
Xhieda ta’ dan hi ż-żagħżugħa Ema Vella, li temmet b’suċċess il-kors ta’ sena tal-GEM16+, tant li ġabet l-eżamijiet li kien jonqosha u minn Ottubru li ġej se tkompli timraħ lil hinn fis-settur edukattiv.
Qalet, “Jiena ġejt ĠEM 16+ u meta ġejt hawnhekk kelli dik it-tama mingħand l-għalliema li nista’ nkompli. Ġejt hawn u ġibt l-eżamijiet li kelli bżonn.”
Karl Galea, minbarra li hu għalliem tal-Malti fi ħdan ĠEM16+, hu wkoll guidance teacher.
Qalet, “Hija opportunita kbira għal kull student li forsi dan is-sajf irċieva riżultati li ma kinux sodisfaċenti. Taqtgħux qalbkom għandkom din l-opportunità oħra, unika biex tagħmlu sena f’dan il-programm, ngħinukom terġgħu tistudjaw dawk is-suġġetti l-iktar importanti biex inti wkoll tikseb suċċess. Is-sena l-oħra numru kbir ta’ studenti ġabu l-eżamijiet li kellhom bżonn u llum jinsabu fi triqithom lejn istituzzjonijiet Post Sekondarji oħrajn.”
Għal aktar dettalji wieħed jista’ jidħol fuq il-paġna ta’ Facebook tal-ĠEM16+ jew iċempel fuq 25983850 għal appuntament personali.
L-applikazzjonijiet għadhom miftuħa fuq education.gov.mt/gem16plus.