F’iktar artikli dwar x’wassal biex il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil tilef l-elezzjoni ġenerali kien imiss lill-eks kandidat Nazzjonalista, Gejtu Vella, li jgħid tiegħu.
F’artiklu bit-titlu “All about you” Vella tkellem dwar kif skont hu ħafna fil-Partit Nazzjonalista ma kienux qed iġibu l-ġid komuni l-ewwel u qabel kollox.
Skont Gejtu Vella kien hemm grupp ta’ persuni li kienu minn ta’ quddiem fil-partit nazzjonalista, ħadmu , ħadu ħsieb u mexxew l-aġenda personali tagħhom u mhux għall-prestazzjoni elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Gejtu Vella qal li l-interess individwali u l-aġenda personali għandhom jinbidlu fis-sforz kollettiv u nnota li triq il quddiem għall-Partit Nazzjonalista hi waħda diffiċli ferm.
Qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista għandu jieqaf immedjatament jipprova jimita l-istil politiku tal-Partit Laburista.
Fattur ieħor li fi kliem Gejtu Vella wassal għal-telf elettorali kien li l-partit nazzjonalista naqqas milli jagħmel djalogu miftuħ mall-imsieħba u l-poplu ġenerali.
Qal li l-Partit Nazzjonalista jeħtieġ strateġija . Iżda biex jitmexxew l-istrateġiji iridu Kap.
Kap li għal Vella , għandu jkun onest , ġust u juri li kapaċi jifhem . Il-Kap il-ġdid irid ikollu miegħu nies leali u jieħu d-deċizzjonijiet f’interess demokratiċi.
Għaldaqstant l-eks kandidat nazzjonalista Gejtu Vella qal li l-kap il-ġdid irid jara li dawk fdati fl-amministrazzjoni tal-partit nazzjonalista iridu jaħdmu u jkollhom f’qalbhom il-ġid komuni u mhux l-interess personali. Xi ħaġa li fi kliemu ma ġratx.