Aktar minn tletin mara qegħdin ifittxu legalment lill-kumpanija li topera s-sit tal-pornografija, Pornhub, fejn qed jallegaw dwar sfruttament f’filmat espliċitu tagħhom li qed jintwera fuq l-istess sit.
In-nisa qegħdin jgħidu li l-filmat tagħhom ittella’ fuq Pornhub mingħajr kunsens.
Waħda min-nisa saħansitra qalet kif ġiet stuprata meta kellha erbatax-il sena u l-filmat spiċċa fuq sit tal-pornografija.
Fi stqarrija ta’ Pornhub, l-allegazzjonijiet ġew deskritti bħala “assurdi, bl-addoċċ u kategorikament foloz”.
L-istqarrija spjegat li Pornhub għandu tolleranza żero għal kontenut illegali u jinvestiga kull tip ta’ allegazzjoni li ssir dwar materjal fuq il-pjattaforma.
Madanakollu, diversi siti qed jirrappurtaw kif Pornhub ma jirrikjedix lill-utenti tiegħu jivverifikaw l-identità jew età ta’ dawk li jidhru fil-filmati, u lanqas il-kunsens tagħhom.