Kienu għexieren ta’ persuni, ħbieb u membri tal-familja, li llum inġabru fil-knisja ta’ San Lawrenz fil-Birgu biex jagħtu l-aħħar tislima lil tfajla bl-isem ta’ Alashia.
Dan wara li Alashia tilfet ħajjitha f’inċident sfortunat l-Erbgħa li għadda f’Bormla.
Tfajla li kellha biss 12-il sena u li bosta kienu dawk li ddeskrivuha bħala tfajla sabiħa b’qalb tad-deheb.
Kienu bosta li llum kitbula fuq il-profil tagħha b’messaġġi ta’ dieqa, fejn ma jistgħux jemmnu li din kienet l-aħħar tislima li se jagħtu lil ħabibthom fejn bosta kitbu kif qed iħossu vojt kbir mingħajrha u li qatt m’hu se jinsewha.
Permezz ta’ messaġġ fuq is-sit soċjali Facebook, il-Ministru Helena Dalli kitbet “Waqfa mill-kampanja elettorali li tagħtik ftit ħin biex taħseb fuq il-prijoritajiet tal-ħajja. Iltqajt ma’ Alashia l-Ħadd waqt il-mass meeting ta’ Ħaż-Żabbar; illum mort il-funeral tagħha. Ma rridx nemmen. Sabar lill-familja tagħha. Strieħ fis-sliem Alashia.”