Is-skiet u l-ħemda tal-Monasteru ta’ Santa Katerina fil-Belt Valletta, inkisru bid-dieqa li ġabet magħha l-mewt ta’ Sor Aloisa, soru Agostinjana li qattgħet ħajjitha tgħix fi klawsura.
It-telfa tagħha fissret li issa dan il-kunvent, li ra l-istorja ta’ Malta tinkiteb, spiċċa b’erba’ sorijiet biss li kollha huma mdaħħlin fl-età.
Bosta kienu qed jaraw li l-futur tal-Monasteru kien se jfisser l-għeluq tal-bibien tiegħu darba għal dejjem, iżda kif qaltilna l-Madre tal-Kunvent Mikelina Mifsud, Alla ma riedx hekk.
Fix-xhur li għaddew bdiet ħidma mill-Komunità Agostinjana biex sorijiet minn barra ’l pajjiż jingħaqdu mas-sorijiet ta’ dan il-kunvent.
Qalet, “Il-futur tal-Monasteru jien għandi fidi kbira fil-ħniena t’Alla u l-providenza tiegħu li jiġu dawn it-tliet sorijiet jissetiljaw hawn u jibdew jifjorixxu huma jekk ma jkunux Maltin ikunu mill-pajjiż tagħhom il-Filippini. Importanti li l-Monasteru speċjalment il-klawsura Agostinjana ma tintilifx minn Malta.”
II-Madre qaltilna li meta daħlet soru hi, snin twal ilu, fil-Klawsura kienu aktar minn tletin soru, iżda maż-żmien bdew imutu u ħadd ma ħadilhom posthom.
Hija saħqet kif il-ħajja moderna tal-lum rat nuqqas kbir fil-vokazzjoni tal-ħajja sagra.
Spjegat, “Hawnhekk kien hawn xi sittin soru fl-antik, jiena meta dħalt jien kienu xi sitta u tletin soru. Il-ħajja hija vokazzjonijiet minn kullimkien batuti kemm patrijiet u anke sorijiet. Mhux faċli tgħid li dieħla soru tal-klawsura llum il-ġurnata.”
Mistoqsija jekk taħsibx li dan il-kunvent għad jingħalaq għax jispiċċa bla sorijiet, il-Madre kellha tweġiba ċara.
Qalet, “Qatt! Meta jkollok fidi f’Alla dik qatt ma tiġik f’rasek.”
U hawnhekk ħallejna lill-Madre sabiex mal-kumplament tas-sorijiet jidħlu f’silenzju, jimmeditaw fuq il-ħajja u jitolbu sabiex Alla jibgħat aktar bdiewa fl-għalqa tiegħu.