Tul it-tliet ġimgħat li ġejjin, voluntieri internazzjonali se jingħaqdu ma’ BirdLife Malta f’ħidma ta’ sorveljanza għall-kaċċa illegali hekk kif il-passa tal-ħarifa tkun fl-aqwa tagħha
Mil-lum jibda r-Raptor Camp 2016 ta’ BirdLife Malta li għandu l-għan li jissorvelja l-kaċċa illegali għall-għasafar hekk kif l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa jikkonċidi mal-perjodu meta l- passa tal-ħarifa tkun fl-aqwa tagħha.
Dan huwa kamp internazzjonali li jkun organizzat minn BirdLife Malta kull sena u din is-sena se jkun qed isir bejn id-19 ta’ Settembru u d-9 ta’ Ottubru – tliet ġimgħat sħaħ li matulhom 20 voluntier minn 8 pajjiżi differenti se jkunu qed iduru mal-kampanja ta’ Malta u Għawdex biex jiżguraw li dawk l-għasafar li normalment jispiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali f’Malta jkunu protetti.
Fi stqarrija Birdlife qalet li Malta tinsab fuq ir-rotta migratorja ċentrali tal-għasafar bejn il-postijiet fejn ibejtu fl-Ewropa u dawk fejn iqattgħu x-xitwa fl-Afrika, u għalhekk isservi bħala post kruċjali fil-Mediterran fejn l-għasafar tal-passa jieqfu jistrieħu.
Minkejja f’dan, kompliet l-istqarrija, b’madwar 10,000 kaċċatur reġistrat, Malta għandha l-ogħla densità ta’ kaċċaturi fl-Unjoni Ewropea. B’xorti ħażina, għasafar li jpassu minn fuq il-Gżejjer Maltin għadhom sal-lum jispiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali.
Tul it-tliet ġimgħat li ġejjin il-voluntieri internazzjonali se jingħaqdu mal-istaff ta’ BirdLife Malta u se jkunu qed jissorveljaw l-inħawi kollha fejn normalment issir il-kaċċa illegali, jiġbru informazzjoni dwar il-passa tal-għasafar u ta’ kuljum jirrappurtaw attivitajiet ta’ kaċċa illegali lill-awtoritajiet.