Delegazzjoni mill-FIFA se tasal Malta din il-ġimgħa biex tmexxi ’l quddiem l-investigazzjoni tagħha u takkwista aktar informazzjoni biex tgħaddi għall-fażi li jmiss fl-investigazzjoni dwar il-logħba bejn il-Litwanja u Malta li ntlagħbet f’Ottubru li għadda.
Il-Malta Football Association qalet li qiegħda fil-massimu tagħha tappoġġja u tgħin lill-FIFA fl- investigazzjonijiet dwar imħatri mhux normali fil-partita minn Grupp F ta’ Kwalifikazzjoni tat- Tazza tad-Dinja 2018 li ntlagħbet fil-11 ta’ Ottubru. L-MFA qalet tawgura u tappoġġja lill-investigazzjoni tal-FIFA u se tkompli tassisti fl-aspett loġistiku tal-proċess li mistenni jdum għaddej għal diversi xhur.
L-MFA żiedet li terġa’ tisħaq ‘zero-tollerance’ għal kull forma ta’ korruzzjoni fl-isport u l-impenn tagħha kollu biex tiġġieled kontra dan. “F’dan l-istadju, il-Malta Football Association, mhux se tagħti aktar kummenti fuq din l-investigazzjoni li għaddejja min-naħa tal-FIFA,” temmet tgħid fi stqarrija.