Medja ta’ 400 persuna jirfsu l-għatba tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, kuljum.
Fl-2017, daħlu l-Emerġenza kważi 142,000 ruħ, waqt li din is-sena huwa mbassar li l-ammont jitla’ għal 144,000.
Kull pazjent li jidħol l-emerġenza jgħaddi minn sistema fejn jiġi kklassifikat f’waħda minn ħames kategoriji.
Il-pazjenti fil-kategorija numru wieħed ikunu f’qagħda kritika u jkollhom bżonn kura immedjata. Dawk fit-tieni kategorija probabbilment ikollhom affarijiet serji li iżda ma jkunux qed jipperikorawlhom ħajjithom. Il-pazjenti fil-kategorija numru tlieta jkollhom bżonn aktar testijiet iżda madwar nofshom jintbagħtu d-dar.
Dawk fir-raba’ u l-ħames kategorija jkunu pazjenti li setgħu nqdew f’ċentru tas-saħħa jew għand it-tabib tal-familja għax il-livell ta’ kura li jkollhom bżonn ikun baxx ħafna; tant li disgħin fil-mija ta’ dawn il-pazjenti jintbagħtu d-dar.
Lejliet l-istaġun tax-xitwa, il-Kap tad-Dipartiment tal-Emerġenza, Dr Michael Spiteri, spjega kif tinbidel ix-xejra tal-pazjenti fix-xitwa – b’żieda notevoli ta’ persuni vulnerabbli li jispiċċaw l-Emerġenza bl-influwenza:
“Dawn l-avvenimenti, ħafna drabi fl-anzjani, huma biżżejjed biex tibda cascade ta’ events fil-ġisem li tirrikjedi ħafna input min-naħa tas-servizz tas-saħħa li jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet letali. Għaldaqstant, għalkemm in-numri ma jvarjawx b’mod drastiku, l-amont ta’ ħin li aħna ninvestu f’kull pazjent fix-xitwa jiżdied b’mod drammatiku”.
U bħalma qed jiżdiedu n-nies li jmorru l-Emerġenza, qed jiżdiedu wkoll is-sejħiet għall-għajnuna bl-ambulanzi.
Filwaqt li jidħlu madwar 4,200 sejħa għall-għajnuna fix-xahar, it-talbiet għas-servizz tal-ambulanzi qed jiżdied b’madwar 2,000 kull sena:
“Ikollna ammont ta’ nies li sfortunatament għadhom jaħsbu li l-ambulanza hija taxi miżbugħa safra li mhuwiex il-każ. Fil-fatt hemm il-misconception li jekk inti ġejt bl-ambulanza ħa nqabżuk il-queue. Dan assolutament mhux minnu. Kull pazjent li jidħol hawn ġew ħa jgħaddi minn sistema ta’ triage, jiġifieri jekk inti ċempilt għal ambulanza għax irwejt sieqek ilbieraħ u għadek qed timxi, ma jfissirx li għax ġejt bl-ambulanza f’daqqa waħda, il-kategorija tiegħek minn wieħed sa ħamsa, minn ħamsa se titla wieħed. Jekk il-kundizzjoni tiegħek hi ta’ ħamsa, tiġi biex tiġi, se tibqa’ ta’ ħamsa”.
Jiem biss ’il bogħod mill-festi tal-Milied, Dr Spiteri tenna l-appell biex ma nweġġgħux aħna u ma nweġġgħux lil ħaddieħor.
Fakkar li dawn iż-żminijiet huma kritiċi għall-effiċjenza tad-Dipartiment u appella biex kulħadd juża s-servizz b’mod għaqli, fid-dawl li x-xogħol primarju tad-Dipartiment tal-Emerġenza huwa li jsalva l-ħajjiet:
“Pazjenti li ġew hawnhekk li għandhom kundizzjoni stabbli ħa jkollhom jistennew biex jinqdew sakemm dawk il-pazjenti li vera għandhom bżonn l-għajnuna diretta ta’ speċjalisti fl-Emerġenza li aħna trained għaliha, tingħata dik il-kura li f’ħafna drabi ssalva l-ħajjiet” .