Kulma jmur l-iskart tal-kostruzzjoni qiegħed ikun ta’ sfida kbira għall-pajjiżna minħabba n-nuqqas ta’ spazju fejn jintrema. Iżda tidher mhux fil-bogħod, is-soluzzjon biex l-iskart mir-radam jerġa jibda jintuża.
Dan bis-saħħa ta’ riċerka li ilha għaddeja għal dawn l-aħħar għaxar snin mill-Professur Dione Buhagiar fi ħdan il-Fakulta tal-Inġinerija tal-Università.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar l-ekonomija ċirklurai ġie spjegat li din ir-riċerka wasslet biex tinħoloq ġebla ġdid li tista’ tintuża flok il-ġebla tal-franka, il-briks jew il-konkrit/
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri saħaq li l-pass li jmiss huwa l-kummerċjalizzazzjoni ta’ din il-ġebla alternattiva fuq livell nazzjonali.
“Qegħdin naraw kif inkunu innovattivi grazzi għall-Malta Industrial Parks flimkien mal-Universita ta’ Malta għamilna dan l-istudju u minn dak li llum il-ġurnata għadu jitqies bħala waste qegħdin noħorġu ġebla ġdida, ġebla li għandha propjetajiet aħjar mill-ġebla eżistenti u allura grazzi għal dik li sejjaħna s-circular economy flok inti tarmi l-oġġett, terġa tużah, toħloq resource ġdid u allura tnaqqas l-ispejjeż, tnaqqas ukoll l-istress fuq l-ambjent.”
L-istudju wera li l-esperti waslu għal materjal li huwa tajjeb daqs il-franka jekk mhux aħjar minnu. Dan bis-saħħa ta’ taħliet differenti li jsir fil-laboratorju bil-ġebla l-ġdida tkun aktar b’saħħitha u ma tixrobx ilma.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks Karl Azzopardi qal li fl-aħħar xhur iffirmat ftehim biex tgħin din ir-riċerka.
“Meta għandek prodott ittestjat fil-laboratorju pero issa trid toħorġu fil-parti industrijali, jista’ jkun eżempju ċar li dan mhuwiex studju desktop, huwa prattikament xi ħaġa fattibbli. Min-naħa tagħna issa aħna qed naraw kif ħa nutilizzaw dan il-materjal fil-proġetti tagħna stess.”
Permezz ta’ dan il-proġett, l-ekonomija Maltija ser tibda t-transizzjoni tagħha lejn ekonomija ċirkolari b’inqas spejjeż fis-settur tal-proprjetà.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia stqarr li huwa importanti li nżommu l-andament ekonomiku tal-pajjiż iżda jeħtieġ li l-iżvilupp ikun sostenibbli.
“Ir-riżorsa tal-ġebla hija limitata u biex inkomplu nużawha rridu naraw issa biex nirrikiċlawha. Biex nagħmlu dan illum ltqajna mal-istakeholders kollha biex inkellmuhom dwar il-possibiltà li jirriċiklaw imma wkoll niddiskutu il-mezzi finanzjarji, l-għodda finanzjarja biex ngħinuhom jagħmlu dan fiż-żmien illi ġej.”