Maria Efimova, dik li sa minn meta faqqgħet l-allegazzjoni ta’ Egrant kienet deskritta bħala l-whistleblower ta’ Daphne Caruana Galizia u s-sors tal-istorja, issa qed tagħti verżjoni differenti.
Jirriżulta li fil-ħdax ta’ Diċembru tas-sena l-oħra meta l-membri tal-kumitat PANA li żaru pajjiżna tkellmu mar-Russa f’video conference din qaltilhom li ma kinetx hi s-sors oriġinali ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jirriżulta b’mod ċar li din id-darba Efimova qalet li Caruana Galizia ma kisbitx l-informazzjoni mingħandha għax fi kliemha ma kinetx is-sors oriġinali. Dan minkejja li dejjem kienet preżentata mod ieħor kemm minn Caruana Galizia kif ukoll minn Simon Busuttil, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni li għamel tiegħu l-allegazzjoni li Egrant hija kumpanija tal-familja tal-Prim Ministru. Allegazzjoni li kienet miċħuda bil-Prim Ministru jgħid li jirriżenja li kieku titfaċċa xi nitfa prova jew verità.
Saħansitra meta f’April li għadda dehret quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi l-inkjesta li talab il-Prim Ministru kienet deskritta bħala “former Pilatus Bank employee who has been the source of claims concerning the bank and its ties to the Prime Minister’s wife.”
Mhux magħruf x’wassal biex Efimova, li tkellmet permezz ta’ video conference minn post li l-MEPs qalu li ma jafux fejn hu, għaliex bidlet il-verżjoni taħha fuq din ukoll.
Minkejja li hi l-istess persuna li Daphne Caruana Galizia kienet qalet li d-dettalji tathom lilha u saħansitra kienet tkellmet ma’ The Malta Indpendent fi żmien li kien imexxiha Pierre Portelli tal-Partit Nazzjonalista.
Mir-rapport tal-Kumitat Pana, li jgħamel l-istess konklużjonijiet u allegazzjonijiet li ilhom isiru xhur u ħafna minnom kienu spjegati, kienet din it-taħdita ma’ Efimova l-iktar li spikka.
Il-kumitat huwa mexxi minn Ana Gomez MEP Portugiża li ilha snin tiġġieled kontra Malta bl-ewwel waħda tagħha tkun għax pajjiżna m’għandux l-abort. Fl-istess delegazzjoni kien hemm ukoll David Casa.
Intant, Efimova għandha storja ta’ inkonsistenzi. Wara li Efimova telqet minn Malta ma baqgħetx tidher f’kawżi kontra tagħha li kienu diġa infetħu qabel bdiet tgħamel l-allegazzjonijiet fosthom ta’ frodi fil-konfront tal-Bank Pilatus li mbagħad fetħitilha kontra tiegħu, kif ukoll kontra pulizija.
Jirriżulta li Efimova, li filli kienet is-sors ewlieni ta’ Daphne Caruana Galizia u issa m’għadiex, kienet qalet li kienet tqila meta fil-fatt ma kinetx.
Efimova hi akkużata b’akkużi foloz fil-konfront tal-pulizija li investigaw meta allegat li stmawha ħażin. Fost oħrajn f’Awwissu ta’ sentin ilu qalet li nżammet fil-kwartieri tal-pulizija l-Furjana u fi ħdax -il siegħa kielet darba. Allegat li dan kien se jaffettwala t-tqala. Tqala li skont dawk li jafu sew l-investigazzjoni qatt ma kienet hemm.
Fost dawk li dak iż-żmien ressqu lir-Russa u għalhekk għamlet allegazzjonijiet dwarhom kien hemm l-ispettur Jonathan Ferris li wara li x-xogħol tiegħu mal-FIAU ma kienx imġedded bejda jfajjar l-allegazzjonijiet hu wkoll.