Hospice Malta, NGO lokali li tipprovdi u tippromwovi kura palljattiva bla ħlas għal persuni li jsofru minn mard, se tkun qed torganizza ġbir ta’ fondi biex issaħħaħ in-numru ta’ servizzi offruti lill-pazjenti u lill-familji tagħhom nhar il-Ġimgħa 26 t’April 2019 waqt il-programm popolari, Xarabank.
“Aħna nemmnu li l-pazjenti tagħna huma individwi uniċi u importanti, u bħala Hospice Malta, l-għan prinċipali tagħna hu li nippreservaw l-indipendenza, id-dinjità u l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Aħna noffru ambjent lill-familji u lill-ħbieb tal-pazjenti fejn iħossuhom aċċettati u siguri filwaqt li noffrulhom l-appoġġ li jkollhom bżonn waqt li l-pazjent ikun marid jew waqt iż-żmien li jkunu tilfu lil xi ħadd,” qalet Maria Gatt, Chairperson ta’ Hospice Malta. “Il-pjanijiet futuri tagħna jinkludu li noħolqu u nmexxu kumpless iddedikat kompletament għall-kura palljattiva b’xejn lill-pazjenti tagħna. Dan il-kumpless se jkun l-ewwel faċilità f’Malta li se jtejjeb b’mod sinifikanti s-servizzi palljattivi preżenti lil pazjenti f’darhom u fil-komunità,” ikkonkludiet.
Imwaqqfa fl-1989, ir-rwol ewlieni ta’ Hospice Malta hu li tipprovdi u tippromwovi servizzi ta’ kura palljattiva lill-pazjenti li qed isoffru minn kanċer, motor-neuron disease u mard terminali tal-qalb, tan-nifs, tal-kliwi u tal-fwied.
Hospice Malta toffri s-servizzi tagħha permezz ta’ tim professjonali multi-dixxiplinari. In-numru ta’ servizzi jinkludu servizzi fid-dar tal-pazjent mit-tim – inkluż nurses, tobba, fisjoterapisti, psikologi, social workers u kappillan ta’ Hospice Malta; Day Therapy Services inkluż numru ta’ attivitajiet għall-pazjenti matul il-ġurnata inkluż ukoll servizzi ta’ fisjoterapija, terapija kumplimentari, sessjonijiet ta’ appoġġ spiritwali u emozzjonali kif ukoll crafts u hairdressing; assistenza professjonali fid-djar tal-pazjenti kif ukoll servizzi on-call wara l-ħin.
Tagħmir speċjalizzat bħal sodod motorizzati, tagħmir tat-tqandil, siġġijiet tar-roti, tagħmir tal-mobiltà u n-nifs, fost oħrajn, huma provduti wkoll skond il-bżonnijiet tal-pazjenti. Dan itejjeb b’mod drastiku l-indipendenza tal-pazjent u jiffrankalhom l-ispiża li jixtru dan it-tagħmir, b’hekk ikunu jistgħu jgħixu f’darhom imdawrin mill-familja u l-ħbieb f’dan iż-żmien l-aktar vulnerabli.
Pazjenti ġodda riferuti lil Hospice jingħataw appoġġ qabel joħorġu mill-isptar, u dawk il-pazjenti li jkunu diġà rreġistrati ma’ Hospice Malta jingħataw appoġġ ukoll meta jkunu l-isptar biex jiżguraw intervenzjoni mill-aqwa fiż-żewġ każijiet. Hospice Malta tipprovidi wkoll servizzi ta’ appoġġ lill-familji tal-pazjenti f’każ ta’ mewt. Is-servizz offrut minn Hospice Malta għandu l-għan li jnaqqas l-uġiħ u sintomi fiżiċi kif ukoll sintomi emozzjonali, fisjo-soċjali u spiritwali tal-pazjenti u l-familja u l-ħbieb tagħhom.