GLIDER SOUTH hija inizjattiva maġġuri oħra ta’ riċerka dwar l-oċeanografija fiżika li tagħmel użu ta’ pjattaformi mill-aktar moderni biex tinġabar data għall-istudju dwar il-baħar. L-inizjattiva hija mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Oċeanografija Fiżika tal-Università ta’ Malta (Physical Oceanography Research Group – PO-Res. Grp) b’kollaborazzjoni ma’ CNRS-INSU (Centre National de la Recherche Scientifique – Institut National des Sciences de l’Univers). Dan il-proġett huwa kkoordinat, mill-Prof. Aldo Drago.
Il-Gliders ta’ taħt il-baħar huma vetturi awtonomi li jixbhu torpedo, li għandhom il-kapaċità li jgħoddsu repetutament ’l fuq u ’l isfel fl-ilma sa fond ta’ 1000m, u jitmexxew fuq rotot permezz ta’ remote control imħaddma minn stazzjon fuq l-art. Dawn jistgħu jintużaw biex tinġabar data bijoġeokimika fiżika rilevanti għall-istat ta’ saħħa tal-baħar, f’riżoluzzjoni spazjali għolja, għal perijodi twal ta’ ħin, saħansitra taħt kondizzjonijiet meteoroloġiċi diffiċli. Il-glider jikkomunika ma’ stazzjon fuq l-art permezz ta’ links satellitari kull darba li jitla’ fil-wiċċ, jibgħat id-data miġbura u jirċievi istruzzjonijiet għall-għadsa li jkun imiss.
Il-glider tal-baħar ġie ppożizzjonat viċin Malta xahrejn ilu. Minn dakinhar qasam bejn il-Gżejjer Maltin u l-pjattaforma tan-nofsinhar tal-Mediterran. Din iż-żona tal-Baħar Mediterran mhux esplorata sew u d-data idrografika f’dan ir-reġjun hija skarsa ħafna. Il-proġett jipprovdi data ġdida, li ser tgħin biex nifhmu l-fenomeni dinamiċi osservati fil-medda ta’ baħar bejn Malta u l-Libja. Aktar minn hekk, id-data miġbura ser tintuża biex tikkonferma mudelli oċeanografiċi ta’ din iż-żona. Il-PO-Res. Grp qed imexxi dan il-proġett, u se jkompli jpoġġi l-kapaċità tagħna fir-riċerka dwar il-baħar fuq il-mappa bħala l-kontributur ewlieni fl-oċeanografija operattiva u fiżika fiż-żona taċ-Centru tal-Mediterran.
Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu matul il-missjoni kollha tal-GLIDER South permezz ta’ dgħajjes u ekwipaġġ. Waqt l-operazzjoni ġie varat RHIB mil-patrol boat biex iżerżqu l-glider ’l isfel għal ġol-baħar. Il-Forzi Armati ta’ Malta għenu wkoll biex ivaraw numru ta’ dgħajjes li kienu fl-istess waqt qed jintużaw biex isegwu l-kurrenti tal-baħar fiż-żona.
Dan il-proġett għandu l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea – H2020 Framework Programme, JERICO NEXT taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 654410.
Il-Glider tal-baħar ġie wkoll użat fuq rotta viċin il-Gżejjer Maltin biex juri kif strateġiji ta’ monitoraġġ adattiv, bl-użu ta’ apparat ikkontrollat mill-bogħod u mhux imħaddem mill-bniedem, jipprovdi metodi li jagħtu riżultat xieraq paragun għan-nefqa biex tinġabar data bażika tal-baħar b’mod regolari u jitkejjel l-istat ta’ saħħa tal-ilma kostali tagħna.
Ser jiġi organizzat seminar ta’ nofstanhar fis-7 ta’ Lulju 2017, fid-08:45, fid-Dolmen Resort Hotel, il-Qawra, li se jippreżenta l-esperjenza bi glider tal-baħar f’Malta lil kull min hu interessat, u ser juri kif il-ġenerazzjoni ġdida ta’ gliders tal-baħar toffri għajnuna innovattiva biex tosserva u timmonitorja l-inħawi tal-baħar taħt il-ġurisdizzjoni lokali. Permezz tal-parteċipazzjoni ta’ xjenzjati lokali u żewġ esperti barranin, is-seminar jipprovdi mezz għal brainstorming għal kif tista’ tissawwar sistema operattiva ta’ osservazzjoni tal-baħar għall-Gżejjer Maltin.