Numru ta’ gazzetti tal-Ħadd innotaw u rrapportaw it-taħwid u l-inkwiet ġdid li feġġ fil-jiem li għaddew fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Dan wara wkoll li, b’mod esklussiv, din il-ġimgħa ONE News żvela kif, leaks minn ħdan l-Istamperija f’Tal-Pietà indikaw dan l-inkwiet serju, b’deputat partikolari li wkoll kien qed jintalab jirriżenja.
Il-gazzetti Illum u Maltatoday it-tnejn irrapportaw kif id-deputat inkwistjoni hu Joe Gilgio u r-rabta li dan għandu ma’ ċertu Rakhat Aliyev.
L-istess gazzetti, b’rapporti ġurnalistiċi u opinjoni minn Saviour Balzan, ukoll żiedu kif f’dan kollu hemm l-id moħbija tal-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li saħanistra ġie deskritt bħala bniedem li “m’għandux żejt f’wiċċu”.
Ta’ min ifakkar kif l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-jiem li għaddew tressaq il-Qorti mixli b’disprezz u ksur tal-proċeduri li jistipulaw is-servizzi ġudizzjarji.
Quddiem dan kollu, l-Illum qalet kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech immedjatament ħareġ jaqbeż u jiddefendi lil Jason Azzopardi, li kien il-perċimes biex wasslu jieħu t-tmexxija tal-Partit fl-Oppożizzjoni.
Il-karikatura tal-gazzetta Illum ukoll kienet iddedikata dwar dan l-episodju, fejn Jason Azzopardi ġie deskritt bħala Tom Cruise.
L-editorjal tal-istess gazzetta jisħaq kif Azzopardi jridha li ta’ xi gladjatur tas-sewwa, imma fl-istess ħin ġie akkużat li kiser ir-regolamenti fejn anke ddeskriviet l-azzjoni tiegħu fil-Qorti bħala “affarijiet tat-tfal, buffu u ipokrtika.”
Sadanittant jiddefendi wkoll lill-istess Azzopardi kien hemm Kevin Cassar, ħaten Beppe Fenech Adami, li wkoll jifforma parti mill-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista u ħadem biex jitneħħa Adrian Delia minn Kap erba’ snin ilu.
Fl-opinjoni tiegħu fit-Times, intitolata “No intimidation at all”, il-kandidat Nazzjonalista jattakka saħansitra lill-uffiċjali tal-Qorti li kienu qed jagħmlu xogħolhom fil-każ ta’ ksur tal-liġi mill-avukat tal-għaqda Repubblika.