Kif kien mistenni, l-gazzetti lokali tat-Tnejn kienu ddominati mir-rebħa tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali.
B’għażla ta’ għadd ta’ ritrati u titli differenti, l-messaġ kien wieħed, li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali bl-akbar mandat eletorali, mill-Indipendenza ‘l hawn.
Dik tas-sitta u għoxrin ta’ Marzu hija t-tielet rebħa Laburista konsekuttiva.
Fil-fatt, dan kien it-titlu tal-faċċata tal-gazzetta ‘L-Orizzont’, li ffukat ukoll dwar il-persentaġġi li kisbu l-partiti fl-elezzjoni.
F’artiklu fuq ġewwa ta’ din il-gazzetta, issemmew ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet kbar li kien hemm quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn intqal li din kienet rebħa storika għal Partit Laburista fejn rebaħ tmien distretti minn tlettax.
Il-gazzetta ‘Times of Malta’ għażlet it-titlu ‘Labour Crusises to record victory’ fejn spjegat li l-elettorat ta mandat b’saħħtu lil Robert Abela biex imexxi lil pajjiżna għal ħames snin li ġejjin.
Il-faċċata tal-gazzetta ukoll qalet li permezz ta’ messaġġ fuq l-istazzjon tiegħu, Bernard Grech insista li jrid iżomm postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
B’ritratt ta’ Robert Abela isellem mill-gallarija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-gazzetta ‘The Malta Independent’ għażlet it-titlu ‘Robert Abela takes Labour to new heights’.
Ġew irrappurtati ukoll iċ-ċelebrazzjonijiet li kien hawn madwar pajjiżna.
Intant, f’artiklu bit-titlu ‘Cut the crap: Bernard Grech has to go’, Saviour Balzan sostna li l-Partit Nazzjonalista huwa mmexxi minn grupp ta’ nies bla esperjenza. Huwa spjega li l-Partit Nazzjonalista wettaq wisq żbalji kardinali li spiċċa tgerbeb f’saqajh.
Fl-artiklu tiegħu Balzan sostna li l-irtirar f’daqqa ta’ erba’ deputati ħalla ħofra kbira ġewwa l-Partit Nazzjonalista u għamlet ħsara lil dik is-suppost għaqda li sejjaħ Bernard Grech. “Ma tistax tmur għall-gwerra meta erba’ mis-suldati tiegħek qed jieqfu”, sostna Balzan.
Il-faċċata tal-gazzetta ‘Illum’ tat ħarsa qasira b’artikli u ritratti lejn il-ġurnata tal-Ħadd, il-jum tat-tielet rebħa konsekuttiva għall-Partit Laburista.
Fl-analiżi tiegħu, l-editur Albert Gauci Cunningham stqarr li l-Partit Laburista dejjem baqa’ qrib in-nies u li għal diversi drabi kien amministratur ekonomiku tajjeb.
L-editur għamel referenza għal kif il-Partit Laburitsa dejjem irnexxielu jirriġenera lilu nnifsu filwaqt li bena ħafna pontijiet ma’ setturi kruċjali.
“Labour Hat-trick for Abela’ qalet il-Maltatoday b’ritrat sabiħ tal-Prim Ministru fil-faċċata.
It-titlu kien referenza lejn il-kobor ta’ dak miksub minkejja li kien hemm turnout baxx.
Il-gazzetta n-Nazzjon irrapportat billi qalet li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjon ġenerali.