L-editorjal tal-gazzetta Illum iddeskriva lill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech bl-espressjoni Ingliża “In Denial!”.
Dan hekk kif l-editur ta’ din il-gazzetta qal kif minkejja l-Partit Nazzjonalista ġarrab l-akbar telfa elettorali mill-Indipendenza ’l hawn, il-partit ta’ Bernard Grech għadu qed jirrifjuta din ir-realtà qarsa.
Din il-gazzetta nnutat kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech żbalja meta wara r-riżultat elettorali qal li hu se jibqa’ f’din il-pożizzjoni. Hawnhekk ġie nnutat kif Grech qatel kull ċans li kandidati prospettivi jitfgħu isimhom għat-tmexxija Nazzjonalista.
Dan l-editorjal innota wkoll kif in-nies li kienu qed jagħtu l-pariri lil Bernard Grech telqu u marru jfittxu impjieg ieħor.
Fost dawn hemm l-eks Chief of Staff ta’ George Pullicino, fi żmien Gvern Nazzjonalista, Ray Bezzina u Chris Peregin, li huwa s-sid u l-fundatur tas-sit Lovin Malta.
B’hekk il-Kap Nazzjonalista spiċċa donnu f’Torri tal-Avorju waħdu, waqt li għadu jemmen li l-pedament li nbena huwa sod u l-Partit Nazzjonalista għamel avvanz.
Intqal ukoll kif minflok eżami tal-kuxjenza u minflok analiżi profonda ta’ fejn il-partit mar ħażin u x’jista’ jagħmel aħjar, “ir-reazzjoni sa issa ta’ Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista kienet skużi, tqabbil patetiku mas-sondaġġi biex b’xi mod jiġi ġġustifikat distakk ta’ 39,500 vot u l-implikazzjoni, xi minn daqqiet bla diċenza, illi l-poplu nxtara għax il-poplu injorant u korrott.”
Hawnhekk il-gazzetta qablet il-partit ta’ Bernard Grech ma’ sid ta’ ristorant li jaħseb li għandu l-aħjar ristorant, imma dejjem vojt jew ma jista’ jagħmel l-ebda profitt. Intqal ukoll kif ħdejn dan ir-ristorant hemm ieħor, b’referenza tal-Partit Laburista, li dejjem imballat bin-nies iżda mbagħad ir-ristorant l-ieħor, minflok qiegħed jara x’inhu jagħmel ħażin, donnu jippreferi joqgħod barra u jgħajjar lil dawk li deħlin fir-ristorant ta’ ħdejh li huma stupidi, li ma jafux jieklu u li ma jifhmux.
Din il-gazzetta nnotat wkoll li l-Partit Nazzjonalista, sal-aħħar ta’ din il-leġiżlattura se jkun ilu erbgħa u għoxrin sena ma jikseb il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jmorru jivvutaw. Dan hekk kif l-aħħar elezzjoni, li l-Partit Nazzjonalista kiseb il-ħamsin fil-mija u vot kienet dik tal-elfejn u tlieta.