Il-villaġġ tipiku Malti ta’ Marsaxlokk ingħata prominenza mill-gazzetta Britannika, Express, bħala l-aktar lokalità Ewropea sottovalutata għas-sbuħija tagħha u ħajja trankwilla.
L-artiklu, intitolat “The pretty little village in Europe hardly anyone visits despite its stunning views”, jagħti l-perspettiva tal-gazzetta li tara lil din il-lokalità fost l-isbaħ portijiet tas-sajd, imlewwen bid-dgħajjes ikkuluriti, f’żona panoramika u b’baħar ċar kristall.
Il-gazzetta tkompli li l-madwar ta’ Marsaxlokk hu wieħed partikolari, fejn id-dgħajjes fih, bħal-luzzu tradizzjonali Malti, jagħtu dehra vibranti liż-żona u huma responsabbli għall-bejgħ tal-ħut frisk fis-suq tiegħu kull nhar ta’ Ħadd.
L-artiklu jħeġġeġ lil kull min se jżur Malta biex ma jitlifx l-okkażjoni li jżur il-villaġġ tipiku tas-sajjieda, bl-opportunità li jara l-qabdiet tal-ħut impressjonanti, waqt li jduq mit-tjubija tal-ikel favorit lokali, inkluż fil-bosta resrotanti li jħarsu lejn il-baħar mad-dawra tal-port.
Skont il-gazzetta, il-villaġġ Malti hu eżempju klassiku ta’ min irid jaħrab mill-ħajja bieżla tal-ibliet, hekk kif hawnhekk titgawda ħajja aktar kwieta fost is-sbuħija tal-pajjiż Mediterranju.
Fost l-oħrajn, jissemmew ukoll żoni għall-għawm jew għall-għaddasa avventurużi jew professjonali, bħal St Peter’s Pool, waqt li tingħata ħarsa żgħira lejn l-istorja rikka tal-lokal, b’dawk meqjusa monumenti li jsaħħru lil viżitaturi, bħall-Knisja ddedikata lill-Madonna ta’ Pompeii, li tmur lura għas-Seklu 19u mżejna b’pitturi tal-artist Giuseppe Calì, u t-Torri ta’ San Luċjan mibni fis-Seklu 17 mill-Ordni tal-Kavallieri.
Finalment, l-Express issemmi li l-villaġġ u l-madwar tiegħu kellu sehem ukoll fid-dinja ċinematografika, bil-Forti Dellimara fejn inħadmu xeni għall-film tal-2016, ‘Assassin’s Creed’.