Għada t-Tlieta, 19 ta’ Marzu fil-festa ta’ San Ġużepp, Heritage Malta se tkun qed iżżid mal-attrazzjoni ta’ din il-festa pubblika permezz ta’ żewġ attivitajiet.
Li tkun preżenti fit-tempji preistoriċi tal-Mnajdra, l-Qrendi, fi sbieħ il-jum huwa diġà mument uniku. Madanakollu, f’din il-ġurnata, il-pubbliku se jkun jista’ josserva wkoll l-ewwel raġġi tax-xemx hekk kif jidħlu direttament mill-entratura tat-Tempju tan-Nofsinhar, sabiex jimmarkaw l-Ekwinozju tar-Rebbiegħa. Wara dan l-avveniment, il-parteċipanti se jkunu mistiedna għal żjara tat-tempji, aċċess għaċ-Ċentru tal-Viżitaturi (inkluż esperjenza 4D), u bibita.
L-avveniment se jibda fis-5.45am u l-biljetti jiswew €25 għall-adulti, anzjani u studenti jew €20 għall-membri ta’ Heritage Malta. Fadal biss ftit postijiet u min hu interessat għal aktar informazzjoni jista jċempel fuq 21424231.
Heritage Malta qed torganizza wkoll Open Day fid-Domvs Romana, ir-Rabat. Dawk li jżuru d-Domvs Romana, ikunu jistgħu jieħdu idea ta’ kif kienet tkun id-dar ta’ aristokratiku Ruman żmien twil ilu. Il-mużajk sabiħ li rnexxielu jsalva wara sekli sħaħ, flimkien ma’ sett ta’ statwi tal-irħam tal-Imperatur Claudius u l-familja tiegħu, huma fost l-affarijiet interessanti li wieħed jista’ jara.
Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mid-9am sal-5pm, bl-aħħar dħul ikun fl-4.30pm. Iż-żjarat bi gwida ħa jsiru fl-10.30am bl-Ingliż u fis-2.30pm bil-Malti. Id-dħul fid-Domvs Romana huwa bla ħlas.