L-eksdifensur ta’ Manchester United Gary Neville, li bħalissa jinsab fuq btala f’pajjiżna, mistenni jagħti donazzjoni qawwija lil Manchester United Supportes Club (MUSC) ta’ Malta.
Sorsi qrib il-klabb tal-United qalu ma’ one.com.mt li l-ammont tad-donazzjoni mistenni jitħabbar nhar il-Ġimgħa li ġej f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja li sejjaħ il-klabb. Matulha se jiġi diskuss u jittieħed vot fuq ix-xiri tal-proprjetà minn fejn jopera bħalissa l-klabb li jinsab fi Triq Quarries Square Street l-Imsida.
Deskritt minn Alex Ferguson bħala l-aqwa difensur lemini tal-ġenerazzjoni tiegħu fl-Ingilterra, Neville għandu għall-qalbu ħafna lil gżiritna u lill-klabb Malti. Lura fl-2011, f’ikla li saret f’Malta biex ikun imfakkar it-tmiem tal-karriera tiegħu, Gary Neville wera l-interess li jikkontribwixxi l-għajnuna tiegħu lil MUSC, l-ewwel klabb tax-xorta tiegħu barra mill-Ingilterra.
Meta kkuntattjat, il-President tal-MUSC Joseph Tedesco, ma kkonfermax it-tagħrif li għandna f’idejna u qalina biex inkellmuh nhar is-Sibt, jiġifieri l-għada tal-Konferenza Ġenerali Straordinarja.