Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Belt iddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li sofra ġrieħi gravi b’daqqa ta’ sikkina.
Il-każ seħħ għall-ħabta tan-12:30 ta’ waranofsinhar fi Triq il-Mediterran fil-Belt.
Fuq il-post marru l-Pulizija fejn sabu vettura maħbuta f’żewġ karozzi li kienu pparkjati.
Jirriżulta li wara l-ħabta, is-sewwieq tal-vettura allegatament qala’ daqqa’ ta’ sikkina f’siequ.
Il-vittma kien qed isuq fi Triq il-Mediterran u fl-istess waqt kienet qed tinstaq vettura oħra fi Triq San Duminku. Biex tiġi evitata ħabta bejn iż-żewġ karozzi, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena baqa’ dieħel f’żewġ vetturi li kienu pparkjati.
Kien hemm li nqala’ argument bejn iż-żewġ sewwieqa fejn allegatament intużat sikkina, bl-allegat aggressur, li ġie identifikat bħala żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Furjana, telaq minn fuq il-post u nstab ftit tal-ħin wara f’residenza fil-Furjana.
Huwa qed jinżamm arrestat mill-Pulizija.