Bdiet topera link diretta bil-ħelikopter għat-trasferiment ta’ pazjenti bejn Għawdex u l-Isptar Mater Dei. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li stqarr li, sa mill-bidu li beda jopera l-Isptar Mater Dei, il-helipad ma ntużatx għall-iskop oriġinali tagħha minħabba sfidi varji.
Spjega li l-Ministeru fehem l-importanza ta’ helipad fl-isptar ċentrali ta’ pajjiżna fejn kull minuta tgħodd biex jiġu salvati l-ħajjiet. B’hekk ir-riabilitazzjoni ta’ dan is-sit ġiet ittrattata bħala prijorità u issa l-isfidi ġew megħluba mill-Gvern Laburista.
Intqal li, permezz ta’ ħidma mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Transport Malta u speċjalisti tal-avjazzjoni internazzjonali, il-Ministeru ħejja l-helipad ta’ Mater Dei, bit-test-flight fiha jsir fil-5 ta’ Diċembru li għadda.
Minbarra hekk, iżda, tenna li issa se jsir ix-xogħol biex anke l-Isptar t’Għawdex ikollu l-istess faċilità fuq il-post.
“Din it-test-flight u l-inawgurazzjoni tal-helipad fl-Isptar Mater Dei hi qabża kbira fil-kwalità tal-kura f’pajjiżna, speċjalment għal pazjenti Għawdxin, li jkollhom bżonn kura ta’ emerġenza f’Mater Dei. Dan mhuwiex biżżejjed, aħna issa se nkunu qed niffokaw l-enerġiji kollha biex ikollna helipad fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ukoll.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Intqal ukoll kif, it-Tlieta, twettaq b’suċċess l-ewwel użu mediku permezz ta’ din il-link, hekk kif pazjent Għawdxi ttajjar minn Għawdex għal Mater Dei fi stat t’emerġenza. Bit-trasferiment iseħħ fi kwarta.