Il-Bank Malti għall-Iżvilupp għandu żewġ skemi ġodda sabiex jiffaċilitaw u jgħin lin-negozji medji sabiex jinvestu f’pajjiżna.
Dawn l-iskemi huma dawk ta’ Skema ta’ Garanzija għan-Negozji Żgħar u Medji u Skema ta’ Garanzija ta’ Self.
Dwar dawn l-iskemi, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-bank, Paul Azzopardi, li spjega li fl-ewwel skema, il-bank jagħti garanzija ta’ tmenin (80) fil-mija fuq is-self mill-bank tagħhom.
“Dik il-loan li jagħti lilhom, 80% tagħha tkun garantita minnha. Mela jekk jieħdu €100,000, €80,000, jekk jiġrilha xi ħaġa dik l-SME u ma tħallasx, aħna nħallsu lill-bank biex inpattulu ta’ dawk il-flus li kien ta. Allura, il-bank ma jitlifx.”
Azzopardi spjega magħna li din l-iskema tagħti garanzija lin-negozji li se jingħataw is-self, wara proċess riġoruż fuq il-proġetti tagħhom.
Ġie spjegat li din l-iskema hija miftuħa għall-banek kollha u s’issa hemm il-banek BOV, HSBC u l-APS f’din l-iskema.
It-tieni skema tal-Bank Malti għall-Iżvilupp hija dik li negozju japplika għal self li nofsu jiġi mill-Bank għall-Iżvilupp u n-nofs l-ieħor jiġi mill-bank kummerċjali, fuq negozju ta’ ‘l fuq minn seba’ mija u ħamsin elf ewro
“Jekk xi ħadd ħa jissellef €5 miljun, €2.5 miljun se joħorġu mingħandna, in-nofs l-ieħor se joħroġhom il-bank. Pero aħna lill-bank kummerċjali se nagħtuh garanzija ta’ 60%. Allura sa 60% tal-loan, jekk tmur ħażin, mhu se jitlef xejn il-bank.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Malti għall-Iżvilupp spjega li l-banek f’din l-iskema huma l-BOV, l-HSBC u l-FIMBANK.
Paul Azzopardi spjega li minn din l-istess skema diġa’ kien hemm żewġ negozji li bejniethom ħadu sitt miljun ewro (€6 miljun) u żewġ proġetti involvew il-qalba diġitali.
Apparti minn hekk, Azzopardi spjega wkoll li l-bank kien ta’ spalla waqt il-pandemija u anki waqt il-gwerra fl-Ukrajna.
Fil-fatt, Azzpardi rrimarka kif waqt il-pandemija, il-Bank għall-Iżvilupp għen kumpaniji sabiex jibqgħu reżiljenti.
“Ħriġna xi nofs biljun, €500 miljun għal 622 kumpanija, illi ġiet eżatt fil-ħin għaliex inkella kien qed jistaġna kollox. Però b’hekk baqgħu jħallsu l-ispejjeż, baqgħu jħallsu lill-impjegati u m’għalqux kumpaniji jiġifieri.”
Waqt il-gwerra fl-Ukrajna, il-Bank għall-Iżvilupp ħareġ erbatax-il miljun ewro (€14-il miljun) fi skema ta’ emerġenza għal tliet kumpaniji li jimpurtaw il-qmuħ sabiex jiffaċilita l-instabbilita li kien hawn sabiex jiġi impurtat dan is-sors importanti ta’ ikel.
Paul Azzopardi semma magħna wkoll li l-Bank għall-Iżvilupp flimkien ma’ bank kummerċjali kellhom skema għall-istudenti, li minnha bbenefikaw madwar erba’ mitt (400) student, b’investiment ta’ ħmistax-il miljun (€15-il miljun).
“Xi ħadd ħa jagħmel kors barra ta’ pereżempju 5 snin, l-aktar li tista’ tagħmel 5 snin. Matul dawk il-5 snin u sena oħra sakemm jibda jaħdem, għal 6 snin, ma jħallasx lura xejn, la jħallas il-kapital u lanqas iħallas imgħaxx. L-imgħaxx huwa ssussidjat għax kien hemm fondi tal-Unjoni Ewropea ħa jintużaw.”
B’hekk b’din l-iskema tiġi koperta l-ispiża kollha tal-istudent filwaqt li fl-istess ħin, l-istudenti qegħdin jagħżlu korsijiet li għalihom ma kienx hemm boroz ta’ studju.