Nhar il-Ġimgħa l-Gvern ħabbar ftehim li permezz tiegħu l-Port Ħieles irrinunzja għall-użu ta’ krejnijiet minn Terminal One West Quay. Din il-parti tal-Port Ħieles hija l-aktar parti viċin ir-residenti ta’ Birżebbuġa.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, esprima s-sodisfazzjon tiegħu u tan-nies ta’ Birżebbuġa dwar dan l-iżvilupp.
“Ovvjament, dan l-investiment, b’mod speċjali t-tneħħija tad-dritt li l-Freeport jinstalla krejnijiet fil-West Quay, dak li jinsab l-aktar viċin ir-residenti, anqas minn 25 metru ’l bogħod mill-ewwel residenzi ta’ Birżebbuġa. Dan jagħtina, b’sodisfazzjon, aktar aċċertazzjoni li l-Gvern qed jara li l-operat tal-Freeport jimxi aktar ’il barra u ma jkunx viċin ir-residenti.”
Dan il-ftehim jinkludi wkoll li ssir reklamazzjoni tal-art biex Terminal Two, bejn in-North u l-West Quay, isir f’forma kwadra, u li l-operat tar-Roll-on Roll-off ma jsirx billejl.
“Permezz ta’ dan il-ftehim qegħdin naraw ukoll li l-proċess tar-roll-on roll-off se jkun qiegħed jieqaf fil-ħinijiet ta’ billejl, allura jkun qed inaqqas b’mod awtomatiku l-ħsejjes li tiġġenera din l-industrija, b’mod speċjali fil-ħinijiet ta’ billejl.”
Intant, beda wkoll ix-xogħol fuq is-sistema tax-shore-to-ship supply, li permezz tagħha vapuri li jitrakkaw mal-mollijiet fil-Port Ħieles ikunu jistgħu jitfgħu l-magni tagħhom u minflok jieħdu l-elettriku mill-art.
“Allura,, b’mod awtomatiku, inkunu qegħdin inaqqsu l-emissjonijiet fl-arja u allura jkun hemm aktar serħan il-moħħ u aktar ambjent nadif għar-residenti ta’ Birżebbuġa.”
Il-Malta Freeport Terminals hija wkoll obbligata li tagħti kontribuzzjoni addizzjonali ta’ 300,000 ewro bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanija biex jintużaw għal skopijiet soċjali f’Birżebbuġa.