Wara s-suċċess li kellha fis-snin l-imgħoddija, il-kumpanija ‘Pass wara pass’, għal darb’oħra qiegħda tippreżenta l-kummiedja mużikali; IL-VJAĠĠ FIL-FANTASIJA.
Din il-kummiedja tlaqqana ma’ Patri Mark, is-Soru Esmeralda u Franco, djaknu li qed jaspira li jsir saċerdot. Niltaqghu wkoll ma’ tliet elementi ħżiena li ser jagħmlu minn kollox biex lil dawn it-tliet minn nies qaddisa iwaqqawhom fid-dnub u jtellfulhom ruħhom u l-vokazzjoni tagħhom. Din il-kummiedja hija ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin fejn fiha naraw, b’mod umoristiku, it-tentazzjonijiet li niltaqgħu magħhom fil-hajja ta’ kuljum speċjalment dawk in-nies li jkunu qrib is-sewwa. Tlaqqana wkoll ma’ personaġġ li jkun qed jipprova jgħin lil dawn it-tliet karattri qaddisa biex ma jaqgħux fit-tentazzjoni.
B’xenarju mill-isbaħ, fuq produzzjoni ta’ Paul Bonello, kitba ta’ Dorian Micallef u b’direzzjoni ta’ Elliot Micallef, din il-kummiedja ser teħodna fil-fantasija fejn il-protagonisti tagħna ser ikunu qed jivvjaġġaw f’postijiet u żminijiet differenti marbuta ma’ xeni minn films popolari.
L-arranġament mużikali huwa ta’ Christian Arding u lirika tal-kanzunetti ta’ Dorian Micallef. Bis-sehem ta’ ħafna atturi stabbiliti fosthom; Mario “Snitz” Spiteri, Paul Bonello, Johnatan Bonello, Claudia Mizzi, Stephanie Grech Mallia, Matthew Balzan, John Ascione, Louis Gatt u Dorian Micallef bi żfin ta’ Keith Dance Studio, din il-kummiedja mużikali hija garanzija ta’ daħk, kant , żfin u spettaklu li mhux ta’ min wieħed jitlef.
Din il-kummiedja mużikali ser titella’ ġewwa l-Istitut Kattoliku l-Furjana nhar is-Sibt 24 ta’ Frar fis-7pm , il-Hadd 25 ta’ Frar fl-4pm u s-Sibt 2 ta’ Marzu fis-7pm.