Il-Gvern Brittaniku sostna li l-iffinanzjar mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa, xjentisti u proġetti oħra se jiġi sostitwit mill-finanzi pubbliċi tal-pajjiż.
Il-kanċillier Philip Hammond, li huwa ekwivalenti għall-Ministru tal-Finanzi qal dan hekk kif din il-miżura tista’ tiswa’ lill-poplu Brittaniku mas-sitt biljun sterlina fis-sena.
Minkejja li hemm ftehim li l-Unjoni Ewropea se tiffinanzja proġetti fis-settur agrikolu sal-2020 dan jaf ma jkunx biżejjed. Għalhekk diversi kritiċi li qabel ir-referendum ħadmu biex ir-Renju Unit jibqa’ fl-Unjoni Ewropea tefgħu dubji dwar is-sostennibilità f’diversi setturi.
Minkejja li fit-23 ta’ Ġunju, il-poplu tar-Renju Unit ivvota sabiex il-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-artiklu ħamsin li għandu jiskatta l-proċess tat-tluq tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea għadu ma ġiex attivat. Filfatt il-Prim Ministru Theresa May qalet li l-proċess biex pajjiżha jinħall mill-Unjoni Ewropea jaf lanqas jibda din is-sena.