15-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea – fosthom Malta – u l-Kummissjoni Ewropea, iffirmaw qafas ta’ kuntratt ma’ kumpanija farmaċewtika li se tassigura l-produzzjoni u l-provvista ta’ vaċċin kontra l-influwenza f’każ ta’ pandemija.
Id-Direttur Maniġerjali tad-Dipartiment responsabbli mix-xiri kollu fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Inġinier Karl Farrugia, spjega li wara l-aħħar epidemija tal-elfejn u disgħa magħrufa bħala HINI, numru ta’ pajjiżi Ewropej ingħaqdu flimkien biex jaraw b’mod strateġiku kif għandu jsir ix-xiri ta’ vaċċin f’każ li tinqala’ pandemija.
“Inħoloq framework ta’ abbozz ta’ agreement li bih il-kumpaniji once li tinqala’ epidemija qed jintrabtu li jissupplixxu lill-pajjiżi kollha parteċipi u qed jiffissaw prezz u dik hija xi ħaġa importanti għax meta tinqala’ epidemija, is-sors l-ammont ta’ supplies ikun limitat u l-prezzijiet jibdew ivarjaw.”
B’dan il-mod, il-kumpaniji li qed isiru n-negozjati magħhom, jintrabtu li f’perjodu stipulat jissupplixxu l-vaċċin.
Dan il-mekkaniżmu mhux biss iħejji lill-pajjiżi biex jilqgħu għal theddid serju ta’ saħħa, iżda jassigura wkoll aċċess ugwali għall-pajjiżi kollha parteċipi.
“Mhux kull pajjiż ħa jkollu ħtiġijiet l-istess – skont kif jintlaqat. Allura hemmhekk jekk ċertu pajjiżi jintlaqtu ftit jew iktar, hemm possibilita li naqsmu l-istock li jkun hemm.”
Fil-fatt id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne fakkar li fl-epidemija tal-2009, Gvern preċedenti kien sab diffikultà biex ikollu biżżejjed tilqim li jkopri l-bżonnijiet tal-pajjiż.
“Aħna ħassejna li din is-sitwazzjoni m’għandhiex tirrepeti ruħha u allura mill-ewwel mindu konna fil-Gvern bdejna naħdmu mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea u mal-Kummissjoni Ewropea biex tidħol fis-seħħ sistema fejn it-tilqim jitqassam skont il-ħtieġa ta’ kull pajjiż. Mhux il-pajjiżi kbar ikollhom u l-pajjiżi ż-żgħar jibqgħu b’xejn.”
Sadanittant għaddejjin negozjati ma’ kumpanija farmaċewtika oħra bil-għan li jkunu ffirmati aktar kuntratti li jimmasimizzaw il-ħtieġa tal-vaċċin skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-pajjiżi membri.