Ġappuniż ta’ 41 sena li jgħix Tas-Sliema nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli li stupra lill-eks tfajla tiegħu fl-appartament tiegħu f’Tas-Sliema.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u anki mill-Ispettur Jonathan Ransley spjegat li ħarġu l-akkużat, il-vittma u ħabib tagħhom.
Wara t-tlieta flimkien marru l-appartament tal-imputat, bil-ħabib tagħhom telaq ‘l hemm u l-akkużat u l-vittma raqdu flimkien.
Intqal li l-Ġimgħa kmieni filgħodu, il-vittma qamet minħabba li bdiet tħoss lil xi ħadd inneżżaha u allegatament beda jinsisti li jagħmlu l-att sesswali. Tant li allegatament daħħalha parti mill-parti sesswali tiegħu.
Hemmhekk kien hemm ġlieda hekk kif l-eks tfajla ma riditx tagħmel l-att sesswali u ċemplet lill-Pulizija biex tirrapurtah.
Id-difiża mmexxija mill-Avukat Joe Brincat talbet għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif ix-xhieda, li f’dan il-każ hija l-allegat vittma
diġà tat il-verżjoni tagħha mal-Pulizija. Intqal li l-akkużat ilu jgħix f’pajjiżna, waqt li għandu residenza fissa.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-akkużi huma serji u x-xhieda għad trid tixhed ukoll.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti ħarġet ordni li l-imputat ma jistax jersaq lejn il-vittma u lanqas ikellimha.