Is-sena l-oħra f’pajjiżna twieldu 4,204 trabi f’pajjiżna u li ġew irreġistrati mir-Reġistru Pubbliku. Din tfisser żieda ta’ 226 tarbija fuq sena qabel, jiġifieri fl-2022.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-aġenzija Identità, hekk kif intqal li l-aktar li twieldu kienu subien, b’2,162 u l-bniet kienu jgħoddu għal 2,042.
Identità qalet li fost l-aktar ismijiet popolari għat-trabi kien hemm Matteo, Noah, Luca u Jack għas-subien, waqt li għal bniet l-ismijiet popolari kienu Emma, Valentina, Julia u Nina.
Għat-tieni sena konsekuttiva, l-aktar żewġ ismijiet popolari Maltin kienu Ġanni u Luċija.
Is-sena l-oħra ġew irreġistrati 3,915 mwiet f’Malta, li minnhom 1,943 kienu rġiel u 1,972 li kienu nisa. Din tfisser li kien hemm żieda ta’ 132 minn sena qabel.
Is-sena l-oħra wkoll kien hemm aktar minn elfejn żwieġ irreġistrat mar-Reġistru Pubbliku, li jfisser tnaqqis ta’ ftit aktar minn mitejn żwieġ fuq is-sena ta’ qabel.
L-aġenzija Identità qalet li ma kienet irreġistrata l-ebda Unjoni Ċivili, waqt li għadd ta’ koabitazzjonijiet kien ta’ sitta u tletin.
Fl-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Mark Mallia kummenta li l-impenn lejn servizzi effiċjenti kemm b’mod onlajn u anke b’mod personali jibqa’ ta’ prijorità għall-aġenzija.