L-artikolist tal-Partit Nazzjonalista Godfrey Leone Ganado deher viżibbilment skomdu jixhed f’kawża ta’ libell kontrih mid-deputat Laburista Rosianne Cutajar wara li għajjaraha “qaħba”.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Ganado li jikteb bla inibizzjoni minn fuq is-siġġu tiegħu kontra esponenti ewlenin tal-Partit Laburista, deher skomdu ħafna u beda jħawwad f’diskorsu meta mistoqsi dwar kliem dispreġġjattiv fil-konfront ta’ Cutajar fuq il-mezzi soċjali.
Mistoqsi dwar kitbietu fuq il-pedana tax-xhieda, qal li ried ifisser hu biss li Cutajar hija “political prostitute” u li tliet kwarti mid-deputati tal-Gvern huma bħala, jiġifieri “qħab politiċi”.
Dan meta fil-kumment tiegħu huwa sejjaħ b’mod ċar lil Cutajar bħala ħamalla, qaħba u ‘call girl’.
Fil-fatt f’diskussjoni li kellu fuq il-profil ta’ Rachel Williams, attivista ta’ Occupy Justice, ħareġ biċ-ċar li Ganado għajjar lil Cutajar qaħba fil-veru sens tal-kelma.
Fix-xhieda tagħha Cutajar qalet li dak it-tip ta’ diskors weġġagħha mhux biss bħala persuna iżda b’mod speċjali bħala mara. Qalet li llum qed ngħixu fl-2019 u nitkellmu ħafna fuq il-vjolenza u l-vjolenza verbali hi tip ta’ vjolenza li tħalli effetti psikoloġiċi koroh fuq l-individwu.
Qalet li b’dawn il-libelli trid twassal messaġġ lin-nisa kollha hemm barra li dan huwa diskors li mhux f’postu u mhuwiex aċċettabbli f’soċjetà demokratika bħal tagħna.
Tennet li lil Leone Ganado qatt ma kellmitu personalment iżda qalet li taf min hu għax mhux l-ewwel darba li kiteb affarijiet koroh fuq ħaddieħor u sfat fil-mira ta’ attakki tiegħu fejn fost l-ożrajn qalilha qaħba, qaħba f xalata u li tirrappreżenta lil qħab fil-Parlament.
Intant matul ix-xhieda tagħha, il-Maġistrat Montebello ċanfret żewġ persuni li kienu qed jakkumpanjaw lil William u lil Ganado wara li bdew jipprovaw jiddieħku bix-xhieda ta’ Cutajar. Il-Maġistrat sostniet li l-qorti mhux post tad-daħq.
L-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru għad-deputat Rosianne Cutajar.