Spazji magħluqa, tixbit mal-irdum tal-Imtaħleb u nżul f’karozza fit-tank tal-faċilitajiet tal-films fir-Rinella huma wħud mill-avventuri estremi li qed jgħaddu minnhom sebgħa koppji Ungeriżi waqt il-ġbid ta’ produzzjoni Ungeriża f’pajjiżna.
Il-Produzzjoni The Bravest Couple mistennija tħalli f’pajjiżna maż-żewġ miljun ewro fl-20 jum li mistennija tieħu biex tinġibed f’Malta.
Il-produzzjoni se tixxandar fuq TV2, l-akbar stazzjon televiżiv Ungeriż u qed tinġibed f’għadd ta’ postijiet f’Malta fosthom iċ-Ċirkewwa, il-Birgu, il-Mellieħa u l-Palazz ta’ Selmun li fih qed jgħixu l-parteċipanti kuraġġjużi ta’ din is-sensiela u li waħda fosthom se tingħata t-titlu tal-aktar koppja qalbiena.Crew ta’ ONE News żar l-Imtaħleb fejn seta’ jsegwi t-tħejjijiet ta’ waħda mill-isfidi fejn il-kopji se jitkaxkru ma’ żewġ arbli biex jiġbru oġġett prezzjuż minn kaxxi mimlijin ġrieden.
Il-producer Joa Larback qal li xena waħda tinvolvi mat-30 kamera u numru kbir ta’ membri li jaħdmu minn wara l-kwinti fuq id-dawl, l-awdjo u l-viżwal.
Il-produttur qal li Malta hija attrezzata għal dawn il-produzzjoniijet u stqarr li fl-għoxrin sena li għandu fil-qasam, sab f’Malta professjonalità u għajnuna kbira: “I worked in production for 20 years and coming to Malta is a big warm welcome. We find massive support from the Film Commission and the Government here, and you have alot of people with knowledge and skills which is great.”
Fis-sensiela qegħdin jieħdu sehem madwar 150 ruħ fosthom 100 Malti.
Waqt iż-żjara, il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech qal li għalkemm dawn il-programmi ma jilħqux il-livell ta’ films ta’ Hollywood u Bollywood, qed jużaw ħafna t-talent lokali.
“Qed naħdmu biex nġibu game shows, reality shows, li jinħadmu f’pajjiżna – li huma reklam għal pajjiżna. Għandhom budget sostanzjali wkoll li jonfquh fil-pajjiż. Qed iħaddmu wkoll il-crew li aħna, nerġa’ ngħid, aħna nistgħu naħdmu sa tliet films fl-istess ħin, u qed jużaw bosta siti madwar pajjiżna.”
Il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Gvern se jkompli jaħdem biex iġieb lejn Malta produzzjonijiet bħal dawn.
“Is-sett huwa kollhu dwar Malta jiġifieri fl-Ungerija, fuq TV2 li hu l-akbar stazzjon fil-pajjiż, se jkollok għaxar episodji li nġibdu f’siti differenti madwar Malta. L-għaxar kontestanti huma kollha ċelebritajiet fl-Ungerija, u kollha qed jippromwovu lill-pajjiżna. Dan ifisser li l-vantaġġ huwa kemm ċinematografiku kif ukoll turistiku”.