Kull pajjiż, inkluża Malta, iqis l-ikel li jiġi mill-kaċċa bħala ikel delizzjuż u tali konsum minn dejjem kien jifforma parti mid-dieta rurali Maltija. Madankollu, u minkejja li nkitbu eluf ta’ kotba tat-tisjir dwar il-kċina lokali, b’uħud minnhom fihom ftit riċetti tal-kaċċa, kien għad mhemm l-ebda ktieb tat-tisjir tal-kaċċa Maltija speċjalizzat. S’issa!
Fil-fatt il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ippubblikat il-ktieb speċjalizzat uniku tat-tisjir bl-isem ta’ ‘Game Recipes from Malta’, b’kollaborazzjoni ma’ kokijiet professjonali rinomati lokali, kif ukoll b’tifkira tal-50 anniversarju tal-istess federazzjoni li ġie ċċelebrat fis-17 ta’ Settembru li għadda.
Dr Noel Buttigieg, letter, riċerkatur u kordinatur fl-Istitut tat-Turiżmu, l-Ivvjaġġar u l-Kultura tal-Università ta’ Malta hu l-awtur tad-daħla tal-ktieb fejn jiġi deskritt fil-qosor l-istorja u l-kultura tat-tisjir tal-kaċċa f’Malta.
L-edituri, Lino Farrugia u Lucas Micallef, Kap Eżekuttiv u President tal-FKNK rispettivament, isegwu b’żewġ “riċetti mhux miktuba” staġjonali tajbin għas-saħħa u li aktarx kienu jintilfu li kieku ma ddaħħlux fil-ktieb.
Flimkien ma’ dan, 12-il kok lokali rinomati jippreżentaw żewġ platti bnini kull wieħed fejn il-bażi tagħhom hu xi prodott tal-kaċċa.
Il-ktieb hu bl-Ingliż, peress li l-FKNK biħsiebha tippromwovi l-ktieb f’diversi pajjiżi oħrajn. Il-ktieb għandu l-appoġġ tal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, u l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba.
‘Game Recipes from Malta’ se jitnieda mill-istand tal-FKNK waqt l-Malta AgriFair 2024 fl-MFCC f’Ta’ Qali mit-12 sal-14 t’April u jinbiegħ għall-prezz imraħħas ta’ €20.