L-aġenzija internazzjonali Gallup ippubblikat ir-rapport annwali tagħha, bl-isem ta’ The World Happiness Report, li jindika, fost l-oħrajn, li l-kuntentizza tal-poplu Malti tilħaq il-livell ta’ 6.32 minn massimu ta’ 10.
Imqabbel mal-2012, dan hu livell aħjar peress li tlettax-il sena ilu l-livell kien ilaħħaq biss il-5.96. B’hekk, skont Gallup, il-Maltin huma 6% aktar kuntenti milli kienu dak iż-żmien.
Fil-fatt, waqt li fl-2012 kien hemm aktar minn 39% tal-Maltin li qallu li għandhom emozzjonijiet negattivi, dan issa naqas għal taħt is-36%.
Ir-rapport jinnota wkoll kif iżjed ċittadini Maltin qed jinvolvu rwieħhom fil-volontarjat illum il-ġurnata, hekk kif mas-27% ħadu sehem f’xi attività simili fl-2024, 3% iżjed mill-2012.
Aktar minn 51% tal-Maltin qalu li għenu lil xi ħadd li ma jafuhx, ukoll fi proporzjon ferm akbar mill-2012. Fejn tidħol l-inugwaljanza, Malta mxiet mill-110 post fl-2012 għat-43 post is-sena l-oħra.
Fattur importanti wara dan it-titjib jidher li hu s-sapport soċjali, għax pajjiżna meqjus bħala s-26 l-aqwa pajjiż f’dan ir-rigward.
Jekk wieħed iħares lejn kemm inbidel l-indiċi tal-kuntentizza mill-2012 lil hawn, f’pajjiżna ġie rreġistrat is-seba’ l-aqwa titjib mill-pajjiżi kollha taż-Żona Ewro.
Bil-maqlub, f’sitt pajjiżi mill-20 taż-Żona Ewro, kien hemm tnaqqis fil-kuntentizza, inkluż fl-Olanda, Franza u Ċipru.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Malti, l-NSO, ukoll ippubblika ċifri li juru kif il-maġġoranza tal-Maltin jgħidu li huma kuntenti, b’60% isostnu li dan hu l-istat naturali tagħhom fill-maġġoanza tal-ħin.
Skont l-NSO, il-Maltin taw punteġġ ta’ 7.4 minn massimu ta’ 10 lis-sodisfazzjon tagħhom bil-ħajja, bl-aktar kuntenti jkunu ż-żgħażagħ, b’7.6.
Il-Maltin urew l-akbar sodisfazzjon bir-relazzjonijiet personali tagħhom, fejn tawhom livell ta’ 8.6 minn 10. Bil-maqlub, fejn jidħol użu tal-ħin is-sodisfazzjon jonqos għal 6.7.
Sadanittant, waqt preżentazzjoni l-Ħamis filgħodu fil-bini tal-Parlament, ġew ippubblikati r-riżultati tal-proġett Wellbeing Index, li sar għar-raba’ sena konsekuttiva.
Il-proġett, fuq inizjattiva tal-Malta Foundation for the Wellbeing of Society b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, għandu l-għan li jtejjeb l-politika tal-benesseri f’pajjiżna.
Meta qabbel l-2023 mas-sena preċedenti, l-istħarriġ sab titjib fir-relazzjoni personali u sodisfazzjon finanzjarju b’mod ġenerali għall-poplu tagħna.
Il-preżentazzjoni ntemmet b’diskors mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li sostniet li l-proġett mhux sempliċi riċerka, iżda wkoll sejħa għal azzjoni dwar kull forma ta’ politika, kull inizjattiva u kull deċiżjoni tikkontribwixxi għal soċjetà fejn kull individwu jista’ jgħix ħajja sodisfaċenti u dinjituża.