Mudelli differenti ta’ galleriji uniċi Maltin se jservu ta’ kenn għal bosta qtates tat-triq.
Din l-inizjattiva ħareġ biha l-Kunsill Lokali tal-Marsa permezz ta’ fondi li ngħata mill-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali.
ONE News tkellem mas-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi li spjega kif nibtet l-idea.
Qal, “Aħna qsamnihom ammont għall-ikel u ammont ukoll għall-cat shelters, issa dawn il-cat shelters li hemm sabiħ u interessanti fihom huwa li huma totalment ġodda. Iġifieri mhux qbadna sibna xi ħaġa fis-suq u xtrajniha imma vvintajna cat shelters aħna. Fil-fatt huma marbutin mal-kultura, huma bbażati fuq l-idea ta’ gallerija Maltija imma għamilniha fiċ-ċokon f’postijiet fejn joqgħodu l-qtates u għandhom l-ikel u kull xelter li għamilna għandek fejn joqgħodu sitt iqtates.”
Is-Sindku Marsi spjega wkoll kif ġew magħmula dawn ix-xelters tal-qtates.
Spjega, “Għamilnihom b’marine plywood, apposta li tiflaħ l-elementi ta’ barra, maqtugħa mill-art anke bl-istess stil ta’ gallerija Maltija biex ma jbatux il-kesħa u ovvjament f’dan iż-żmien iebes tax-xitwa almenu jkollhom min jieħu ħsiebhom.”
Tkellimna wkoll mal-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, li saħaq kif dawn il-fondi qed jiġu wżati b’mod innovattiv.
Qal, “L-għajnuna tal-Kunsilli Lokali għall-benessere tal-annimali hija importanti ħafna, però huwa importanti illi l-kunsilli jkunu nnovattivi u jamministraw sewwa l-fondi fdati lilhom. Il-Kunsill tal-Marsa ibbenefika mis-somma ta’ €8,000 u naħseb qed jużahom b’mod għaqli u innovativ.”