Joe Gaffarena qal li l-eks Ministru, Joe Cassar kien talbu jieħu karti relatati mal-każ ta’ Daewoo u b’rabta mal-eks Ministru Nazzjonalista u Kummissarju Ewropew, John Dalli għal-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Huwa stqarr dan fil-Qorti waqt li kien qed jixhed f’kawża ta’ libell li l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel fil-konfront tal-editur tal-Orizzont, Josef Caruana.
Il-kawża ta’ libell tikkonċerna artiklu li deher fit-Torċa fit-tnejn ta’ Awissu 2015 li fih intqal li Simon Busuttil iltaqa’ ma’ Joe Gaffarena qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.
Dak iż-żmien li kienet ippubblikata l-istorja, l-kap tal-Oppożizzjoni kien insista li din kienet gidba mill-bidu sal-aħħar.
Fil-Qorti, meta Gaffarena kien mistoqsi jekk hux minnu li Joe Cassar talbu jieħu miegħu l-karti relatati mal-permess tal-MEPA u l-pompa tal-petrol, Gaffarena insista għal aktar minn darba li dan ma kienx il-każ.
Gaffarena indika li Simon Busuttil f’dokumenti oħra kien interessat, tant li Joe Cassar staqsih x’mar jagħmel jekk ma ħax il-karti ta’ John Dalli. Gaffarena fakkar fil-qorti li kien ta eluf ta’ liri lill-Partit Nazzjonalista u qal li l-Partit Nazzjonalista ta’ Eddie Fenech Adami kien onest mhux bħal ta’ Lawrence Gonzi u Simon Busuttil.
Il-kawża ġiet diferita għall-24 ta’ April li ġej.