B’referenza għall-artiklu li deher illum fuq il-Malta Independent, Neville Gafa qal li huwa evidenti aktar minn qatt qabel li din il-gazzetta qed toqgħod fuq sorsi dubjużi ħafna. Dawn is-sorsi, qal Gafa, għandhom l-intenjoni li jużaw il-gazzetta sabiex jagħmlu frame up fuqu, biex jaħbu l-affarijiet ħżiena li għamlu huma.
Iddikjara li l-irċevuti msemmija fil-Malta Independent rahom biss meta l-Pulizija kienu qed jinvestigaw – u ntqal lilu li Khaled Ibrahim Ben Nasan uża dawn l-irċevuti bħala prova li kellu jagħti l-flus.
Fakkar li kien investigat u li ma nstabet ebda evidenza kontrih. Sostna li jibqa’ miftuh għal aktar investigazzjoni u li se jikkopera mal-awtoritajiet.
Qal ukoll li l-Malta Independent on Sunday qatt ma kellha d-diċenza tistaqsi għall-verżjoni ta’ Gafa, u li għada se jkun qed jiftaħ proċeduri ta’ libell kontra l-gazzetta.