Il-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi baqgħu għaddejjin b’xogħlijiet għall-ġid u t-tisbiħ tal-lokalitajiet Maltin u Għawdxin, anke jekk ħafna drabi ma jkunux jidhru wisq.
F’dawn il-jiem sħan, segwejna proprju numru ta’ xogħlijiet li jinsabu għaddejjin fil-lokalità tant mfittxija taż-Żurrieq, fin-Nofsinhar tal-pajjiż, li fil-maġġoranza tagħhom kienu talbiet li tressqu mir-residenti stess mal-Kunsill Lokali.
Minn xogħlijiet fuq bankini, tibdil ta’ railings, passaġġi aktar siguri u post li jilqa’ qtates tat-triq, ix-xogħlijiet tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi f’din il-lokalità huma varji f’dawn il-jiem.
Fil-fatt għaddejja ħidma ma’ taqta xejn fi Vjal Blue Grotto, triq traffikuża fejn se titneħħa bankina li tinsab mat-triq u qed jinħoloq passaġġ aktar sigur wara l-ġenb tat-triq. B’hekk żdiedet il-kwalità u ttejbet is-sigurtà, filwaqt li twessgħet it-triq.
Sadanittant saret ukoll manutenzjoni fuq il-bankijiet biswit il-Kappella ta’ Ħal Millieri, żona rurali antika, li wkoll tattira għadd ta’ persuni għal mixjiet fil-kampanja.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, sadanittant għamel manutenzjoni wkoll tar-railing fuq Wied Babu, li hu meqjus bħala weħed mill-isbaħ widien f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, żar dawn ix-xogħlijiet kollha fejn tkellem mal-ħaddiema u wera l-gratitudni tiegħu għall-ħidma tagħhom biex itejbu l-ħajja lill-komunitajiet.
Stqarr, “Il-proġetti l-kbar huma importanti però daqstant huma importanti l-ilmenti u s-suġġerimenti li jidħlu fil-kunsilli tagħna biex jitolbu l-assistenza tal-Public Works biex inwettqu proġetti li jagħmlu ġid għall-komunità taż-Żurrieq.”