Tfal fl-iskola primarja tar-Rabat Għawdex flimkien mad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali nedew il-ktieb “Aħna Tfal, Ħbieb tal-Annimali”.
Għat-tnedija ta’ dan il-ktieb kien hemm il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, li qal kif din kienet l-ewwel inizjattiva fejn it-tfal li qegħdin fi SkolaSajf ingħataw l-opportunità li jiktbu dan il-ktieb li jikkonsisti f’kitbiet kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.
Il-Ministru Refalo qal: “Naħseb din hija inizjattiva tajba ferm għaliex inti hemmhekk għandek l-edukazzjoni min-naħa waħda għax il-ktieb huwa l-akbar għalliem. Min-naħa l-oħra wkoll qed tgħallem lit-tfal kif iħobbu l-annimali.”
Intqal ukoll kif id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali nieda kompetizzjoni fejn l-istudent ġew imħeġġa jagħmlu tpinġijiet bl-annimali favoriti tagħhom.
Il-Ministru Refalo qal kif dawn l-inizjattivi għandhom l-iskop li jkomplu jxettlu dejjem aktar l-imħabba tat-tfal lejn l-annimali. Huwa qal kif il-ħsieb ewlieni wara din l-iniżjattiva kien ispirat mill-importanza tal-qari f’ħajjet kull persuna.