Meta Gabi Shull minn Missouri kellha biss disa’ snin, kellha parti minn saqajha amputata minħabba osteosarcoma – tip ta’ kanċer fl-għadam li ħalla effett ħażin ħafna fuq l-irkoppa taċ-ċkejkna.
Dan l-intopp xejn ma żamm lit-tifla milli tiżfen, u llum qiegħda sservi bħala sors ta’ inspirazzjoni lil bosta.
Il-kanċer istab meta Gabi għamlet x-ray, wara li weġġgħat hi u tagħmel ice-skating. Kollox kien jidher donnu qatt ma kienet se terġa’ tiżfen, iżda t-tifla, li llum hija tfajla ta’ 15-il sena, ma tistax tieqaf tiċċaqlaq! Grazzi għal operazzjoni rivoluzzjonarja bl-isem ta’ rotationplasty, għandha sieqa propja li tista’ taqbad ma’ oħra artifiċjali f’ċertu angolu, li jippermettilha tiżfen. U hekk tagħmel, għax minbarra li hija kelliema għat-tfal bil-kanċer, tiżfen pointe, hip-hop, tap dance, jazz, żfin kontemporanju fost oħrajn. Tipparteċipa wkoll f’kompetizzjonijiet taż-żfin.