Ftit tal-ġimgħat ‘il bogħod minn Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li jrid jaħtar is-Segretarju Ġenerali tiegħu, Francis Zammit Dimech tenna li hu se jerġa’ jitfa’ ismu għal kariga importanti ta’ Segretarju Ġenerali.
Xahar ilu Zammit Dimech kien diġà ħa spazju fuq il-gazzetta Illum dwar il-kandidatura tiegħu ta’ Segretarju Ġenerali u s-Sibt fuq l-RTK tenna l-intenzjonijiet tiegħu fuq il-programm tal-Professur Andrew Azzopardi.
Meta kien mistoqsi: “Inti ħa tikkandida ruħek bħala Segretarju Ġenerali?”
Francis Zammit Dimech wieġeb: “Jiena dan is-suġġett diġà weġibtu fuq il-gazzetta Illum u tawni front page, iva beħsiebni nikkandida ruħi.”
Zammit Dimech ilu jpoġġi l-qattus quddiem fuq kariga importanti bħal dik ta’ Segretarju Ġenerali.
Bħal daż-żmien sena qagħad Segretarju Ġenerali temporanju wara li Clyde Puli rriżenja għax ma felaħx iżjed għall-ġlied bejn il-fazzjonijiet fil-partit.
Issa Zammit Dimech, deputat Nazzjonalista tat-tmeninijiet, tenna li jrid jibqa’ Segretarju u sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jiġġedded.
Huwa tenna: “Partit li qed jiġġedded, partit li qed jissaħħaħ.”
Fil-programm ħadet sehem ukoll il-President tal-Partit Laburista Dr Ramona Attard li nnutat u kkummentat fuq dak li kien għadu kif qal Zammit Dimech.
Dr Attard stqarret: “Meta nitkellmu fuq tiġdid fil-Partit Nazzjonalista u fl-istess kelma Francis Zammit Dimech jgħid li se jerġa’ jissottometti.”
Francis Zammit Dimech huwa fost il-figuri ewlenin, flimkien ma’ Louis Galea li qed jaħdmu fil-qrib mat-tmexxija preżenti ta’ Bernard Grech fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt Zammit Dimech kien fost tal-ewwel, anki fi żmien Adrian Delia bħala Kap, li reġa’ daħħal lil tar-Repubblika u l-Occupy Justice fil-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt bħala Segretarju Ġenerali kellu diversi laqgħat ma’ dawn l-esponenti li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għandha pjaċir bihom.