Fi ħdan il-korp tal-pulizija bdiet topera t-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika.
It-twaqqif ta’ din it-taqsima se jwassal biex il-vittmi ta’ reat jingħataw appoġġ mill-aqwa fl-aktar mument vulnerabbli ta’ ħajjithom.
F’konferenza tal-aħbarjiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn fost oħrajn kien hemm mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela u l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, intqal li fl-ewwel xahrejn ta’ ħidma mit-taqsima dwar il-vjolenza domestika ġew irrappurtati mitejn u sebgħin każ.
Barra minn hekk ingħataw appoġġ lil tliet mitt persuna fejn tmienja u tmenin minnhom kienu irġiel minkejja li l-vjolenza domestika ssir iżjed fuq in-nisa.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri aċċenna li issa n-nies jafu li lesti nisimgħu, lesti nirranġaw fejn hemm bżonn u lesti nkunu iebsa u sodi ma’ min ma jilħaqx il-livell ta’ servizz li qed nippretendu għall-vittmi ta’ vjolenza.
Huwa stqarr: “Il-vittimi kollha speċjalment dawk illi jbatu mill-vjolenza domestika nkella vjolenza abbażi tal-ġeneru jixirqilhom l-aqwa assistenza. Għaldaqstant rajt illi bħala korp ikollu persuni speċjalizzati, imħarrġa kif suppost sabiex jassistu lil dawn il-persuni.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà saħaq li bit-twaqqif tat-taqsima qed tissaħħaħ l-fiduċja tal-vittmi tal-vjolenza domestika fil-Korp tal-Pulizija.
Ma’ dan l-istazzjon tkellem ukoll l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Dennis Theuma li saħaq kif tjieb is-servizz li kien jingħata fil-passat lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Huwa spjega: “Aħna bħala tim wieħed nippruvaw dejjem intejbu aħjar is-servizz li qed nagħtu lill-vittmi tal-vjolenza domestika, inkomplu ntejbu fil-futur ir-riżultati li digà ġibna, li nkomplu ngħinu u forsi b’mod iżjed intensiv u b’mod iżjed varju u kostanti lill-vittmi tal-vjolenza domestika.”
Min-naħa tagħha, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela qalet li l-istat irid joffri tama lill-vittmi.
Saħqet kif bħalissa għaddejja kampanja ta’ sittax-il jum t’attiviżmu biex jitwassal messaġġ ta’ kuraġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika ħalli dawn jirrappurtaw il-każijiet t’abbuż u jfittxu l-għajnuna.
Dr Lydia Abela sostniet: “Matul din is-sena, minħabba anke l-pandemija rajna anke żieda fin-numru ta’ każijiet li ġew irrappurtati. Jista’ jkun wkoll għaliex in-nisa qed ineħħu mill-mistħija iqumu fuq saqajhom u qegħdin jersqu ‘l quddiem. Allura huwa importanti illi naraw din it-taqsima illi se tkun qed taħdem b’mod speċjalizzat u se jkun qed tingħata t-taħriġ persuna li tgħaddi minn dawn l-esperjenzi tħoss illi hemm xi ħadd ta’ fiduċja li tista’ tirrikorri għandu u tista’ tkun ta’ spalla f’dawn iż-żminijiet diffiċli li tkun għaddejja minnhom”.