F’xahrejn, il-privat għadda aktar minn 100 appartament biex jintużaw bħala housing soċjali u affordabbli taħt l-iskema tal-Gvern ‘Nikru Biex Nassistu’. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes.
Permezz ta’ din l-iskema, sidien privati jikru l-proprjetà battala tagħhom lill-Awtorità tad-Djar biex, imbagħad, dawn jintużaw bħala housing soċjali u affordabbli.
Il-Ministru Galdes ħabbar ukoll li, sa mit-tnedija ta’ din l-iskema, aktar minn 350 sid privat krew mal-1,000 appartament, li llum qegħdin jintużaw bħala housing soċjali u affordabbli.
Hu sostna li dan juri l-fiduċja assoluta fil-koperazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat.
“Dawn l-appartamenti qed isaħħu l-istock tal-Awtorità tad-Djar biex min qiegħed fuq il-waiting list, ikun jista’ jingħata l-għajnuna billi ssir allokazzjoni min-naħa tal-Awtorità tad-Djar u b’hekk ikollhom id-dar il-ġdida tagħhom. Ċertament mir-responsabilitajiet kemm għandhom l-inkwilini u anke s-sidien f’din l-iskema, imma mbagħad is-sidien għandhom dħul garantiti, imma l-awtorità timmaniġġja l-proprjetajiet għall-għaxar snin sħaħ, bil-possibbiltà wkoll li dan jestendi l-kuntratt tiegħu wara għaxar snin.”