F’xahar wieħed waqt il-pandemija tal-COVID-19 twieġbu 93,000 telefonata fuq il-freephone 153 b’ żewġ terzi minnhom ma kienux jirrigwardaw il-pandemija.
B’hekk iktar minn 60,000 telefonata huma fuq xogħol li baqa’ għaddej minkejja ċ-ċirkostanzi li għaddej minnhom pajjiżna.
Fil-fatt aktar minn 19-il elf u ħames mitt-telefonata kienu dwar is-Sigurtà Soċjali u aktar minn 14-il elf telefonata kienu dwar it-taxxa.
Ħabbar dan is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar f’konferenza tal-aħbarijiet hekk kif spjega li servizz.gov li din is-sena jagħlaq 5 snin mit-twaqqif tiegħu ġie aċċessat minn 124,000 ruħ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ servizz.gov, is-Sur Winston Pirotta spjega kif l-iktar mistoqsijiet komuni relatati mal-Covid-19 kienu dwar l-benefiċċju tal-ġenituri fejn servizz.gov irċieva 5042 telefonata. Isegwu mistoqsijiet dwar l-benefiċċji addizzjonali tad-diżimpjieg bi 3558 u dawk dwar benefiċċji mediċi b’1355 telefonata.
Pirotta stqarr, “Kif tistgħu taraw matul dan il-perjodu kellna żieda fl-aċċess tagħha jiġifieri nies li jaċċessaw il-website tagħna biex jaraw informazzjoni addizzjonali fuq il-miżuri tal-Covid etc ta’ ‘l fuq minn 32%.”
Huwa qal ukoll li l-paġna ta’ servizz.gov fuq Facebook ġiet attrezzata b’chatbot bl-Ingliż li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jiġu mwieġba mistoqsijiet relatati mal-Covid-19.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq li dan l-avvanz fl-aċċessibiltà għas-servizzi pubbliċi seta’ jseħħ għax sar investiment qawwi bla preċedent fis-snin li għaddew biex ittejbet l-infrastruttura tat-teknoloġija u tqiegħdet viżjoni b’miri ċari li wasslu biex ikollna servizzi pubblici aċċessibbli 24 siegħa kuljum is-sena kollha.
“Diġà għaddejin b’investimenti ta’ miljuni biex databases separati fis-servizz pubbliku jitkellmu ma’ xulxin biex l-informazzjoni tkun tista’ tiġri minn dipartiment għall-ieħor. Tresqu anke emendi fil-liġijiet fil-Parlament biex jilqgħu għal dan kollu.” Temm jgħid Cutajar.