Fuq medda ta’ ftit aktar minn xahar, bejn it-2 t’Awwissu u l-5 ta’ Settembru l-Pulizija tal-Immigrazzjoni investigat diversi persuni b’rabta ma’ dokumenti foloz li kienu interċettati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. B’kollox f’dan il-perjodu tressqu 120 persuna, 90 minnhom ingħataw sentenza ta’ ħabs b’mod effettiv. Is-sentenzi kienu jvarjaw bejn xahar sa sentejn ħabs.
Oħrajn ingħataw sentenza sospiża u oħrajn inħarġitilhom ordni biex jirritornaw f’pajjiżhom wara li nqabdu jaħdmu bla permess, jew bla flus biex imantnu lilhom infushom jew bil-viża skaduta.
Il-maġġoranza tal-persuni miżmuma mill-Pulizija huma mis-Sudan filwaqt li oħrajn ġejjin minn pajjiżi fl-Asja jew mil-Lvant tal-Ewropa fosthom il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, ir-Russja, mill-Bosnja-Ħerżegovina, l-Albanija u mill-Brażil.
L-Assistent Kummissarju Neville Xuereb, li jmexxi t-Taqsima tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni qal li qed ikun hawn immigranti jistaħbew f’kontejners qabel ma’ dawn jitgħabbew fuq bastiment
Huwa spjega li f’dan il-qasam, il-Pulizija taI-Immigrazzjoni taħdem flimkien ma’ Transport Malta u mal-Uffiċjali tas-sigurtà tal-Faċilità tal-Port, sabiex jinstabu l-persuni u jittieħdu l-proċeduri fil-konfront tagħhom. Is-Sur Xuereb saħaq li l-ksur tal-liġi taI-Immigrazzjoni huwa kkunsidrat b’mod serju ħafna u fil-maġġoranza tal-każijiet il-pieni involuti jinvolvu ħabs effettiv.