F’xahar mindu l-Gvern beda jagħti t-tilqima tal-pneumococcus bla ħlas mid-Dipartiment tal-Kura Primarja, aktar minn mitejn tifel u tifla tlaqqmu għal dan il-mikrobu.
Din it-tilqima li ġiet introdotta fl-iskema nazzjonali tat-tilqim fl-erbgħa ta’ Mejju tingħata lil tfal ta’ xahrejn, b’doża oħra ta’ erba’ xhur u t-tielet doża ta’ sena.
Hu stmat li se jitlaqqmu mal-erbat elef wild fis-sena.
Il-Kap tad-Dipartiment tat-Tilqima tal-Kura Primarja, Dr Victoria Farrugia Sant’Angelo, spjegat li din it-tilqima tiġġieled kontra mikrobu li jista’ jikkawża meninġite jew infezzjoni fid-demm, speċjalment fit-tfal ta’ taħt is-sentejn.
Dr Farrugia Sant’Angelo spjegat: “Il-mikrobu jismu Streptococcus Pneumoniae għalhekk ngħidulu pneumococcal vaccine. Issa dan il-mikrobu huwa komuni ħafna u jinstab kullimkien, nista’ nkun qed inġorru jien, tista’ tkun qed iġġorru inti, però l-iktar li jagħmel effett ħażin huwa fit-tfal iż-żgħar ta’ taħt is-sentejn u anki fl-anzjani. Fl-anzjani jikkawża pneumonia u tista’ tkun qawwija ħafna imma fit-tfal iż-żgħar jikkawża tip ta’ infezzjoni li taffettwa l-moħħ, jiġifieri meninġite u anki infezzjoni fid-demm.”
It-tabiba spjegat li meta jieħdu t-tilqima, it-tfal ikunu qed ikabbru l-immunità tagħhom, u l-iskop hu li tkun protetta l-popolazzjoni kollha.
Hija kompliet tispjega: “Qed nisimgħu ħafna bil-herd immunity illum minħabba l-Coronavirus, però l-herd immunity tkun li jekk inti tlaqqam proporzjon sewwa tal-popolazzjoni tiegħek, inti qed tipproteġi lil dawk li ma jkunux imlaqqmin. F’dan il-każ aħna jekk inlaqqmu lit-tfal tagħna kollha, inkunu qed nipproteġu lill-anzjani wkoll.”
Dawk it-tfal li diġà ħadu xi doża jew dożi mill-vaċċin fil-privat, se jkunu jistgħu jkomplu jieħdu l-kumplament tat-tilqima mingħajr ħlas.
“Aħna li qegħdin nagħmlu huwa li kull min jiġi hawnhekk għall-ewwel tilqima, se jeħodha din it-tilqima l-ġdida. Min forsi ġie għat-tieni jew għat-tielet tilqima, tilqim ieħor, jekk naraw li qabel kien diġà bdieha fil-privat – għax din it-tilqima kienet tinstab fil-privat biss qabel Mejju – aħna nistgħu nkomplu l-kors”, kompliet tgħid Dr Farrugia Sant’Angelo.
Madanakollu, l-awtoritajiet tas-saħħa internazzjonali jissuġġerixxu li wieħed għandu jkompli l-kors tat-tilqima bl-istess tip ta’ vaċċin li jkun beda bih, f’każ li jkun differenti minn dak li qed jingħata b’xejn mill-Gvern.