Erba’ aħwa se jkunu qed jingħaqdu lura flimkien u jgħixu f’residenza waħda, fir-Residenza Santa Margerita. L-aħwa jinsabu lkoll taħt ħarsien alternattiv u għalhekk iktar minn qabel inħass il-bżonn li lkoll jerġgħu jingħataw lura sens ta’ familja.
Parti minn din l-istess residenza se tkun qed tintuża bħala ċentru ta’ taħriġ għall-ħaddiema soċjali biex isaħħu l-abilitajiet tagħhom f’dan il-qasam.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, it-Tlieta waranofsinhar, indirizata mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon. Ir-residenza hija waħda mit-tmien servizzi ta’ residenzi fi ħdan l-FSWS.
Il-Ministru Michael Falzon qal li rridu naraw li ngħixu f’soċjetà li ma tħalli barra lil ħadd, u għalhekk il-gvern qed ikompli jaħdem biex jagħmel differenza anke f’każijiet li ma jaffetwawx numru kbir ta’ nies.
Il-Ministru Falzon saħaq li huwa mument ta’ għafsa ta’ qalb meta jkollu jiffirma l-care orders, iżda dan isir b’responsabilità biex dawn it-tfal jingħataw l-aqwa kura, ambjent u futur possibbli.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li matul is-sena 2019, il-FSWS laqgħet 33 minuri fir-residenzi tagħha filwaqt li 23 minuri oħra ġew assistiti mill-High Support Service ġewwa residenzi oħrajn. Biex is-servizz ikun tal-ogħla kwalità l-FSWS tħaddem 92 professjonist.
Ix-xogħol f’dawn ir-residenzi speċifiċi qed isir b’investiment ta’ €2,400,000 fis-sena u mistenni jkompli jiżdied kawża ta’ realtajiet soċjali ġodda li jkun jeħtieġ azzjoni immedjata dwarhom.