Irridu noffru futur lill-Afrika imma wkoll il-futur għall-Afrikani jrid ikun fl-Afrika u mhux fl-Ewropa. Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela fit-tmiem ta’ Summit ieħor tal-Kunsill Ewropew.
“Il-konklużjoni tad-diskussjoni hemhekk kienet illi rridu noffru futur lill-Afrika imma wkoll il-futur għall-Afrikani jrid ikun fl-Afrika u mhux fl-Ewropa u mhux naraw li jkun hemm futur ekonomiku li jikkontempla li l-Afrikani jiġu f’exodus lejn l-Ewropa.”
Il-Prim Ministru sostna wkoll li s-sitwazzjoni fl-Afrika kienet waħda mill-aktar suġġetti li l-mexxejja Ewropej damu jiddiskutu madankollu sar progress notevoli fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
“Din id-darba rajt progress notevoli fl-issue tal-immigrazzjoni illegali kienet fuq nett tal-aġenda tal-kunsill Ewropew. Il-pajjiżi qegħdin jitkellmu li l-problema mhux biss ta’ Malta u tal-Italja imma hija problema li taffetwa l-Ewropa kollha.”
Il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll dwar l-imxija.
Il-Prim Ministru sostna li dawn l-aħħar ġimgħat kull pajjiż ra żieda sostanzjali fin-numru ta’ infezzjonijiet.
Hawnhekk Dr. Abela tenna li ħadd m’għandu s-soluzzjoni perfetta fil-ħidma kontra din l-imxija. Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-pajjiżi kollha qed iħarsu ‘l quddiem fl-iżvilupp tal-vaċċin.
“Kull pajjiż irid jagħmel dak kollu li jista’ biex inaqqas l-imwiet, kull pajjiż qed iħares l quddiem għall-iżvilupp tal-vaċċin u nibqgħu nħarsu ‘ll quddiem għal xhur li huma diffiċli imma se jwasslu għal xhur poittivi li r-rota ekonomika se taħrab ‘l quddiem u terġa ddawwar ir-rota ekonomika.”