Mistoqsi dwar il-ġejjieni f’mument fejn il-Partit Laburista qed jaħtar Mexxej ġdid, Joseph Muscat qal: “Jien konvint li fi żmien li ġej il-Partit Laburista se jkun qed jissaħħaħ u Malta se tkun għaddejja u miexja ‘l quddiem. Għandi din il-konvinzjoni kemm għax naf il-programm li ġejna eletti fuqu bħala pajjiż… u t-tieni nett għax naf kemm lil Chris Fearne u lil Robert Abela. Naf li dawn huma żewġ persuni li jafu jmexxu ‘l pajjiż ‘il quddiem.”
Joseph Muscat tenna kif dan hu proċess li qed jgħaqqad lill-Partit Laburista. Dan b’kuntrast ma’ dak li ġara fl-oppożizzjoni. “Il-Partit Nazzjonalista llum huwa mfarrak f’elf biċċa,” qal il-Prim Ministru li rrefera għall-mod kif ħaddieħor ma kellux il-lussu li għandu l-Partit Laburista b’żewġ kontestanti b’saħħithom. “Jien fiduċjuż ħafna u nemmen li dan il-proċess se jagħti ħajja ġdida lill-gvern,” kompla l-Prim Ministru li spjega kif hemm ħafna tajjeb x’wieħed jibni fuqu.
“In-nies fid-djarhom jafu li għamilna ħafna tajjeb,” qal Joseph Muscat li żied li jrid ikun irranġat ukoll il-ħażin li tiegħu jerfa’ r-responsabbiltà hu. “Għalhekk fiduċjuż ħafna u pożittiv immens il-futur,” temm il-Prim Ministru.