Il-plejer ta’ Siġġiewi Futsal Ryan Muscat hu r-rebbieħ tal-Enemed Plejer tax-xahar ta’ Frar.
Muscat li ngħaqad ma’ Siġġiewi Futsal fil-bidu ta’ dan l-istaġun, qed ikollu kampjonat ferm pożittiv tant li riċentement ġie mgħajjat mill-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Zejlko Anicic u lagħab f’waħda mill-partiti ta’ ħbiberija li kellu kontra l-Estonja.
Ryan għandu 24 sena u ilu jilgħab il-futsal sitt xhur biss. Għall-bidu hu beda jilgħab mal-akkademja ta’ Ħamrun Spartans fejn hemmhekk għamel 10 snin sħaħ. Minn hemm ingħaqad ma’ Birkirkara u aktar tard ma’ Luqa St Andrews. Kien id-diriġent ta’ Siġġiewi Kieran Bugeja li avviċina lil Muscat sabiex jingħaqad magħhom. Hu mal-ewwel impressjona fil-logħob tiegħu u x-xahar ta’ Frar kien determinanti għat-tim tiegħu hekk kif aċċertahom minn bidu tajjeb fl-Enemed Challenger League.
Il-preżentazzjoni lil Muscat saret mill-kap eżekuttiv tal-Enemed l-Inġinier Philip Borg u l-president tal-FMA il-perit Mark Borg fejn apparti t-trofew, hu ngħata wkoll xi vouchers mingħand l-isponsors.